Illum Jum L-Istrina

  • Diċ 26, 2018 08:12
  • Miktub minn Chris Fearne

    Nittama li lbieraħ, Jum il-Milied, għaddejtuh bil-mod li xtaqtu. Fortunatament f’pajjiżna Jum il-Milied għadu meqjus ħafna bħala jum speċjali għall-familji tagħna, fejn il-familja tinġabar għall-ikla tradizjonali tal-Milied. Drawwa sabiħa ħafna. Okkażjoni li fiha x’aktarx jiltaqgħu aktar minn ġenerazzjoni waħda, fejn xi ‘rappreżentant’ ta’ kull ġenerazzjoni jirrakkonta kif fi żmienu kienu jgħaddu Jum il-Milied. Meta tkun madwar il-mejda f’okkażjonijiet bħal dawn tara tinfetaħ quddiem għajnejk l-istorja mhux biss ta’ familtek imma tal-pajjiż, għax wara kollox il-pajjiż huwa magħmul mill-familji.

    X’aktarx li fost ir-rakkonti minn kull ‘rappreżentant’ ta’ ġenerazzjoni jew oħra jkun hemm dak li jitratta r-rigali. X’tip ta’ rigali kienu jingħataw u ovvjament jkun hemm il-paraguni u aktar iva milli le ssib li llum il-ħajja tant inbidlet li t-tfal donnhom ma saru jifirħu b’xejn!

    Din tar-rigali twassalni għall-impenn uffiċjali li se jkolli llum għall-ħabta ta’ nofsinhar meta fl-assenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat se nkun qed nattendi għall-inawgurazzjoni ta’ dak li jista’ faċilment jissejjaħ l-avveniment ta’ kull sena f’dawn il-jiem, L-Istrina, b’risq il-Community Chest Fund. Avveniment li jkun qed jistennih bi ħġaru kulħadd. Avveniment li ta’ kull sena juri x’sens ta’ solidarjetà għandu fih il-poplu Malti u Għawdxi. Avveniment li ta’ kull sena juri kemm il-poplu Malti u Għawdxi huwa ġeneruż. 

    Avveniment li din is-sena għandu wkoll sinifikat speċjali. L-Istrina 2018 hija l-aħħar Strina taħt il-Presidenza tal-President tar-Repubblika l-Eċċ. Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca li t-terminu tagħha bħala President tar-Repubblika jiġi fi tmiemu kmieni s-sena d-dieħla. Huwa fatt magħruf minn kulħadd li l-President Coleiro Preca għamlet ferm aktar milli felħet biex jitkattar is-sens ta’ solidarjetà fost il-poplu ma’ dawk fil-bżonn għal xi raġuni jew oħra, partikolarment dawk milqutin mill-mard. Ikun xieraq li nagħtu ‘rigal’ tal-aħħar lill-President Coleiro Preca billi l-lejla nagħtuha s-sodisfazzjon li tħabbar ċifra akbar minn tas-sena l-oħra.

    U la qiegħed insemmi r-rigali nixtieq nagħmel appell għal rigal partikolari ieħor f’dawn il-jiem ta’ festi: rigal rifless f’għotja demm. Fil-jiem li għaddew l-awtoritajiet konċernati esprimew it-tħassib tagħhom minħabba nuqqas fil-provvista tad-demm. Anke hawn għandu jkun innotat b’sodisfazzjon li r-rispons għal talbiet bħal dawn dejjem kien wieħed tajjeb u tajjeb ħafna.

    Madankollu naħseb li jkun tajjeb li f’dawn il-jiem ta’ festi, f’dawn il-jiem ta’ rigali, jingħata rigal ieħor mill-poplu lill-poplu: għotja demm lill-Bank tad-Demm. F’isem il-poplu Malti nirringrazzjakom li se tkomplu tkunu ġenerużi mal-Malta Community Chest Fund u mal-Bank tad-Demm.

    Nieħu wkoll din l-okkażjoni biex nawgura lill-poplu Malti u Għawdxi tmiem is-sena 2018 mill-aqwa u bidu daqstant ieħor mill-aqwa ta’ Sena Ġdida mimlija risq, hena u saħħa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook