Merħba lis-Sena 2019

  • Jan 02, 2019 09:33
  • Miktub minn Chris Fearne

    Nhar it-Tnejn li għadda għaddiet għal mas-snin tal-istorja s-sena 2018 li nittama li tmiemha għaddejtuh kif xtaqtu, kif bl-istess mod nittama li lbieraħ għaddejtu l-bidu ta’ sena ġdida, is-Sena 2019, li nawgura li tkun għal kull wieħed u waħda minna sena aħjar minn dik li għadha kemm intemmet.

    Bħal f’kull bidu ta’ sena ġdida oħra, dawn il-jiem iservu biex filwaqt li tingħata ħarsa lura lejn is-sena li tkun għadha kemm taret mar-riħ, iservu wkoll bħala ħarsa ‘l quddiem lejn dak li tkun trid tkompli tagħmel fuq li tkun diġà bdejt, jew inkella lejn xiħaġa li tkun se tagħmel kompletament mill-bidu.

    Bl-akbar sens ta’ sinċerità ngħid li nħossni sodisfatt b’dak li flimkien wettaqna tul is-sena li għaddiet fil-qasam tas-saħħa. Meta tħares lura u tara l-avvanzi li saru fejn jidħlu servizzi mediċi li wasslu biex is-saħħa f’pajjiżna tkun klassifikata fost l-aqwa għaxra fid-dinja ma tistax ma tħossokx sodisfatt. Ejjew ma ninsewx li aħna pajjiż daqs naqra, poplu żgħir, li minkejja kollox qegħdin nirreġistraw riżultati bħal dawn, riżultati li ma jaqgħux mis-sema, imma trid taħdem għalihom.

    Dak kollu li wettaqna fil-qasam tas-saħħa tul is-sena li għaddiet se jservina bħala pedament sod biex fuqu nkomplu nibnu u ntejbu tul is-sena li għadha kemm bdiet. Huwa għalhekk li se jkun possibbli li nkomplu nagħtu aktar importanza lill-kura primarja, lill-kura fil-komunità.  Huwa għalhekk li se jkun possibbli li nintroduċu fl-isptarijiet tagħna t-teknoloġija robotika bħala assistenza għall-ispeċjalisti tagħna fl-operazzjonijiet tagħhom. Huwa għalhekk li se nkunu qegħdin nintroduċu l-istess teknoloġija fit-tqassim tal-mediċini lill-pazjenti.

    Is-sena 2019 se tkun qed tarana nkomplu inressqu s-servizzi mediċi lejn iċ-ċittadini għal aktar kumdità u inqas skariġġ. Iċ-ċittadini tan-naħa t’isfel ta’ Malta se jkunu qegħdin jaraw il-bidu konkret taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, filwaqt li ħutna l-Għawdxin se jkunu qegħdin jaraw l-iżvilupp ta’ bini ta’ sptar ġdid li se jkun mgħammar b’tali mod li l-ħtieġa tal-kura f’Malta tkun waħda remota.

    Is-sena 2019 se tkun qed tara l-introduzzjoni ta’ aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern biex jingħataw b’xejn lil dawk li jkunu jeħtieġuhom. Is-sena 2019 se tkun sena oħra li tkompli tnessi u twaddab fil-paġni tal-istorja t-tbatija kawżata mill-prassi ta’ nuqqas ta’ mediċini, il-prassi ta’ mediċini out of stock.

    Is-sena 2019 se tkun is-sena li matulha se nkunu qegħdin niffokaw bil-kbir fuq is-saħħa mentali. Il-prijorità li se tkun qed tingħata s-saħħa mentali hija ferm aktar minn ġustifikata. Prijorità li rridu nagħmluha strumentali biex nimminimizzaw kemm jista’ jkun l-istigma li jġorr il-mard fis-saħħa mentali.

    Ningħaqad mad-determinazzjoni u mal-konvinzjoni li wera l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-messaġġ tiegħu għas-sena 2019 li din se tkun sena aħjar mis-sena li ġiet fi tmiemha jumejn ilu. Inwiegħed l-almu tiegħi kollu biex il-qasam tas-saħħa jiġġustifika din id-determinazzjoni u din il-konvinzjoni.

    Merħba lis-Sena 2019.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook