Tislima lis-sena 2018

  • Jan 02, 2019 18:16
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Tislima lis-sena 2018

    Bħal kull sena, 2018 kellha t-tajjeb tagħha u anki diżappunti. 

    Żewġ suċċessi kbar għal din is-sena żgur li kienu l-ekonomija u Valletta 18.

    Kienet sena oħra tajba għall-ekonomija Maltija fejn bħala gżira erġajna ksibna aktar milli kien ippjanat.  F’ħafna mis-setturi dak li nkiseb kien aħjar minn tas-sena ta’ qabel.  Biex tqis is-suċċess ta’ din is-sena, wieħed irid iżomm f’moħħu li s-sena 2017 diġa’ kienet sena ta’ suċċess għax barra li kienet aħjar mis-sena ta’ qabel, il-miri ġew maqbuża. 

    Jekk nieħdu l-qgħad, dan reġa’ kompla jinżel għal figuri iżgħar milli qatt kellna fl-ekonomija Maltija.  Il-qgħad li għad hemm jagħtina indikazzjoni wkoll fejn għad irridu naħdmu aktar.  Waħda mill-indikazzjonijiet li joħorġu u probabbilment l-aktar importanti hi li fl-edukazzjoni rridu naqdfu aktar.  Dan għaliex dan il-qgħad li għad fadal mhux ġej għax m’għandniex postijiet tax-xogħol, iżda li n-nies li hemm qegħda m’għandhomx il-kwalifiki biex jokkupaw il-postijiet li qed toħloq l-ekonomija.  Bħal ma ktibt, postijiet tax-xogħol għandna għax li kieku m’għandniex dak l-ammont ta’ nies barranin li qed jaħdmu hawn Malta. 

    Fil-qasam tal-edukazzjoni għad għandna bżonn ħafna tibdil biex din tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-ekonomija.  Tibdil sar u għadu qed isir biss nemmen li għad għandna ħafna xi jsir.  It-tajjeb hu li l-Ministru responsabbli għandu ideat ċari ta’ xi jrid isir biex l-edukazzjoni tkun tista’ tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-ekonomija u fl-istess ħin tkun kompatibbli mal-ħtiġiet tal-istudenti.  Żgur li t-tibdil irid isir b’mod kontinwu, ftit , ftit.  It-tibdil li jsir irid ikollu l-għan li jilħaq il-miri ta’ kif l-ekonomija u s-soċjeta’ qed tiżviluppa. 

    L-iżvilupp ekonomiku ma kienx waħdu għaliex dan ġab miegħu żviluppi soċjali.  Tul dan l-aħħar snin wieħed mill-aktar żviluppi li laqatni kien it-tolleranza bejn in-nies ta’ opinjonijiet differenti.  Dan ma jfissirx li kulħadd sar tolleranti għaliex xorta hemm gruppi li jippretendu li huma jafu kollox u ħadd m’għandu d-dritt la li jkollu opinjonijiet differenti minn tagħhom u wisq anqas jikkritikahom.  Fost dawn il-gruppi għad għandna gruppi ta’ politiċi li jemmnu li kull mezz hu ġustifikat sakemm jintlaħaq l-għan tagħhom.  Biss il-maggoranza tan-nies iħossu li bħal ma huma għandhom id-dritt li jkollhom l-opinjoni tagħhom, ħaddieħor għandu l-istess dritt.  L-istess ġara fuq id-dritt li wieħed jew waħda jkollha d-dritt li jgħixu kif jogħġobhom.

    Biss kellna wkoll problemi soċjali.  Żgur li waħda minnhom li kienet qed tolqot ħafna Maltin kien il-prezz tal-kirjiet li splodew.  L-isfortuna kienet li anki fix-xena politika ma kinux lanqas biss jissemmew.  Il-fortuna hi li l-Gvern tul l-aħħar sena mhux biss tkellem dwarha u b’hekk għaraf sew il-problema u sew it-tbatija li din kienet qed iġġib lill-grupp ta’ nies imdaqqas imma wkoll ħareġ bi proposti biex din is-sitwazzjoni titjieb filwaqt li tkompli tħares l-interessi tal-proprjetarji.

    Is-soċjeta’ kellha wkoll ftuħ ġdid li, għallanqas sakemm niftakar jien, qatt ma kellna bħalu.  Dan kien fl-aspett kulturali.  Il-ftuħ li ġabet magħha Valletta18 mhux biss għad irridu niftakruh, iżda wkoll ingawduh.  Il-ftuħ li kien hemm kien wieħed divers.  Jekk insemmu l-ammont ta’ nies ġodda li permezz ta’ Valletta18 ingħataw l-opportunita’ li juru t-talenti li għandhom ma nispiċċaw qatt.  Biss wara dan kollu kien hemm organizzazzjoni li mhux biss kellha l-ħila li torganizza iżda wkoll li toħloq ideat ġodda li permezz tagħhom uriet il-ħiliet ta’ ħafna Maltin u mexxiet l-għaqda fostna.

    Okkażjoni minn tal-aħħar tip żgur kienet il-festa li ħolqu meta purċissjoni ħarġet minn kull waħda mit-tliet parroċċi tal-Belt u ngħaqdu flimkien.  Din kienet okkażjoni li lanqas il-Knisja la qatt organizzat u wisq anqas ġietha f’moħħha.  Anzi ħafna drabi l-piki li ssib bejn il-paroċċi tagħna ġew maħluqa mill-kleriċi tal-parroċċi stess.

    Semmejt l-organizzazzjoni.  Suċċess akbar mill-wirjiet li kien hemm kienet turija li l-Maltin kapaċi norganizzaw – xi ħaġa li ssibha nieqsa f’ħafna organizzazzjonijiet Maltin speċjalment dawk pubbliċi.  Nittamaw li dak li ksibna mhux biss inżommuh iżda wkoll insostnuh biex nibqgħu ngawduh fil-futur.

    Aspett ieħor ta’ suċċess fl-organizzazzjoni kienet fit-titjib tat-toroq.  2018 ser tibqa’ mfakkra li bi ftit ħsieb u determinazzjoni nistgħu ntejbu t-toroq tagħna, xi ħaġa li konna li qtajna qalbna minnha.  Iżda wara t-titjib fit-toroq li sar kien hemm organizzazzjoni biex sakemm isir ix-xogħol, is-sistema tat-traffiku tista’ tkompli taħdem bl-inqas tfixkil.  Qabel kulħadd jiftakar li biex nirranġaw triq prinċipali kien ikollna niġġamjaw it-traffiku ta’ nofs Malta. 

    2018 ser tibqa’ wkoll imfakkra għat-tmiem ta’ probabbilment l-akbar inkjesta li qatt saret f’Malta.  Inkjesta li ħarġet il-verita’ li l-Prim Ministru jew il-familja tiegħu ma kellu l-ebda konnessjoni mal-kumpanija Egrant.  Hawn irridu niftakru li l-aħħar elezzjoni primarjament kienet ibbażata fuq il-gidba li din il-kumpanija hi tal-Prim Ministru jew familtu.  Li kieku l-poplu emmen din il-gibda, illum kien ikollna gvern li l-bażi tiegħu ma’ hi xejn ħlief gidba. 

    Suċċess ieħor kien il-ħidma tal-President.  Ħidma li kienet ‘l fuq mill-politika u li kellha l-għan li t-tejjeb sew il-qagħda tan-nies fil-bżonn, iżda wkoll kienet il-vuċi tan-nies minsijien.  Kienet sena ta’ ħidma liema bħala fejn il-President qatt ma ntrabtet biss mad-dmirijiet formali iżda ħarġet aktar il-bogħod biex tħares l-interessi tal-Maltin.  Ċert li hemm ħafna pajjiżi li jixtiequ li għanhom President bħal Dr Marie-Louise Preca.

    Dan is-suċċess li nkiseb fil-gżira tagħna ma nistgħux insibuh fil-maggoranza ta’ madwarna.  Jekk nieħdu l-Ewropa tidher li din tilfet l-għanijiet tagħha u d-direzzjoni.  Mhux biss tilfet valuri bażiċi bħas-solidarjeta’ iżda wkoll il-kuntatt mal-popli Ewropej u għadha ma tistax tiddentifika ruħha mal-aspirazzjonijiet u x-xewqat tan-nies.

    Jekk inħarsu lejn il-paċi dinjija, din ħadet daqqa ta’ ħarta kbira tul dawn l-aħħar xhur u erġajna ħloqna gwerra aktar taħraq mill-aħħar gwerra bierda li kellna bejn il-ħamsinijiet u t-tmeninijiet.  Filwaqt li l-gwerer lokali s’issa iddominaw, hemm sew gwerra taħraq fid-dinja diġitali.  Illum l-għadu prinċipali tal-pajjiżi tal-Punent saret iċ-Ċina semplċiment għaliex kellha żvilupp qawwi ekonomiku u probabbilment issir l-akbar ekonomija fid-dinja fl-aħħar tal-għoxrinijat u l-bidu tat-tletinijat.  Rajna pajjiżi kbar li mhux biss kissru l-alleanzi li kellhom għax iridu jiddominaw, iżda erġajna tellajna ħitan sew reali u sew ekonomiċi li qed joħolqu firda.  Il-preparamenti militari għal gwerra akbar mhux nieqsa għaliex qed nerġgħu naraw tellieqa kbira fl-armi qerrieda.

    Min-naħa fortunati li s’issa għadna ma tantx intlaqatna ħafna minn dan it-taħwid.  S’issa l-aktar li ntlaqatna kien mill-indħil ta’ numru ta’ Parlamentari Ewropej li mhux biss jippretendu li jgħallmuna iżda wkoll jiddettawlna.  Personalment dejjem ħassejt li dan l-indħil kien l-akbar insult li pajjiżna qatt sofra.  Lanqas meta konna kolonja qatt ma ġejna stmati hekk.  U dan kollu ġej minħabba s-suċċess ekonomiku li kellna.

    Il-ħasra hi li ħafna mill-Maltin mhux qed jittendu li għandna rwol x’nilagħbu fid-dinja biex nerġgħu noħolqu l-paċi.  Jekk ma nagħmlux dan żgur li meta nintlaqtu ser nintlaqtu ħażin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook