Rimedji

  • Jan 10, 2019 11:17
  • Miktub minn Alfred Sant

    Meta xi ħadd isofri inġustizzja, jew jittieħdu deċiżjonijiet żbaljati li jaffettwawlu ħajtu, jew anke jekk id-deċiżjonijiet ikunu tajba u meħtieġa, imma dawn jaffettwaw ħażin il-ħajja ta’ ċittadini b’mod qawwi wisq: x’rimedji hemm biex jingħata kumpens għad-danni li jkunu ġġarrbu?

    Aktar minn hekk: jekk jeżistu rimedji, kemm jiġu prattikati fil-fatt?

    Hu qasam dan li kollu nuqqasijiet. L-aqwa rimedju baqa’ dak politiku għad-diskriminazzjoni moħbija jew le, li partitarji ta’ partit tellief f’elezzjoni jkollhom iġorru għal snin sħaħ. Jieħdu rimedju meta l-partit tagħhom jirbaħ xi elezzjoni ta’ wara. Bil-problema li r-rimedju mogħti lilhom, x’aktarx jispiċċa joħloq inġustizzji ġodda.

    Ma jidhirx li l-uffiċċju tal-ombudsman hu daqshekk qawwi biex jipprovdi r-rimedji meħtieġa. Lanqas hemm mekkaniżmu, barra mill-qrati, li għandu xi poter li jwassal għal rimedji trasparenti u effettivi.

    Mir-rimedji tal-qrati jqumu żewġ problemi: huma mħawra bi preġudizzji politiko-kulturali mistura tajjeb; sakemm jitwettqu, min jistenna rimedju x’aktarx li jkun ilu li sab alloġġ fiċ-ċimiterju.

    ***

    F’MARSAXLOKK

    Il-Ħadd li għadda filgħodu, kien hemm għaxqa f’Marsaxlokk, b’temp mill-isbaħ, frisk imma xemxi. Is-suq tal-ħut, ikel u prodotti tad-dar kien imfawwar b’turisti u Maltin. Ir-restoranti kienu kollha qed iħejju għall-ikla ta’ nofsinhar.

    Għalkemm kulħadd kien jaqbel li ekonomikament l-affarijiet sejrin dejjem għall-aħjar, ma naqsux l-ilmenti. Preċiżament tnejn.

    Kemm is-sajjieda u kemm ir-residenti lmentaw li l-wegħdiet li sarulhom fl-imgħoddi dwar li jinbena brejkwater baqgħu fuq l-ixkaffa. Għandhom punt.

    U tqajmet il-biċċa ta’ kemm is-suq ta’ mal-bajja għandu jdum miftuħ: sat-tlieta ta’ waranofisnhar jew sa nżul ix-xemx? Fi tmiem dil-ġimgħa l-kunsill lokali qed jorganizza referendum dwar hekk. Ir-residenti kollha li kellimt iridu żmien matul il-ġurnata li matulu jkunu jistgħu jgawdu x-xatt. Uħud mill-bejjiegħa jħossu li jekk jiġri hekk, se jitilfu l-flus. M’għandhiex tkun ħaġa impossibbli biex jintlaħaq kompromess. 

    ***

    BIEDJA

    F’Marsaxlokk, kien hemm ukoll prodotti tal-biedja... qarabagħli, qara aħmar... mill-isbaħ. Assigurawni li kienu kollha frott tal-biedja Maltija.

    Din reġgħet qed tissemma: aktar nies qed jifhmu kif tinsab agunija. Aħjar li qed jifhmu tard milli qatt.

    Il-biedja ftit kellha ċans tistejqer u tirnexxi bis-sħubija tal-gżira fl-Unjoni Ewropea. Għal xi żmien, per mezz ta’ “sussidji” temporanji, il-piżijiet li l-biedja kellha ġġorr baqgħu supportabbli.

    Fuq medda ta’ tul medju, il-bdiewa Maltin u Għawdxin ftit kellhom tama li se jżommu fil-wiċċ. Biex tagħqad, iż-żmien li fih is-“sussidji” kienu qawwija ma ntużax tajjeb. Ma serviex biex jankra l-biedja Maltija ma’ snajja u għażliet li forsi setgħu jikkompetu ma’ x’kien dieħel mill-bqija tas-suq komuni Ewropew.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0