2019 Merbħa

  • Jan 13, 2019 11:02
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Bħal kull sena oħra, din is-sena tkun tajba kemm nagħmluha tajba.  Aktar ma nkunu pożittivi, aktar tkun tajba.  

    Min-naħa tal-ekonomija dinjija, ma tantx hemm prospetti sbieħ speċjalment jekk il-piki bejn il-pajjiżi jkomplu jiżdiedu.  Biss minkejja li l-pożizzjoni fis-swieq tal-ismha dinjija ma tantx kienet tajba fl-aħħar tas-sena l-oħra minħabba l-indikazzjonijiet li ħarġu wara li l-Apple ħabbret tnaqqis kbir fil-profitti prospettivi tagħha, fil-bidu ta’ din is-sena kien hemm ċaqliq pożittiv bejn l-akbar żewġ ekonomiji dinjiji – L-Istati Uniti u ċ-Ċina – peress li bdew taħditiet bejniethom biex jaraw kif jistgħu ma jkabbrux id-differenzi bejniethom.  

    Brexit, hu fattur importanti wkoll għax barra li ser tolqot lir-Renju Unit, ser tolqot l-Unjoni Ewropea.  Min-naħa tagħna ser nintlaqtu wkoll.  Nemmen li kemm nintlaqtu jiddependi minna.

    Minkejja dawn iż-żewġ fatturi, il-Maltin illum jemmnu li din ser tkun sena aħjar mill-2018.  Dan hu fattur importanti ħafna għaliex l-attitudni hi l-aktar fattur importanti fil-qasam ekonomiku.  Jekk aħna naqtgħu qalbna minħabba l-ambjent internazzjonali, aħna stess noqtlu l-prospetti li jkollna sena tajba.  

    It-tieni fattur importanti – l-ewwel fattur hu l-attitudni tagħna -hu l-attitudni tal-Gvern.  L-attitudni tal-Gvern hi importanti ħafna, għax barra li tifforma l-attitudni tagħna, tidderiġi l-ekonomija billi jew toħloq ambjent ristrettiv jew wieħed miftuħ li jagħti opportunita’ lil kulħadd li jipprova l-ambizzjonijiet tiegħu.  Fortunatament dan l-aħħar snin, l-attitudni tal-Gvern hi pożittiva u għalhekk il-Gvern hu f’tellieqa miegħu nnifsu biex jiġbed aktar investiment lejn Malta.  L-attitudni pożittiva hi essenzjali.  Brexit tagħtina titwila tajba ta’ kif l-attitudni pożittiva u waħda negattiva taffettwa r-riżultat.  Bħal ma semmejt Brexit ser ikollha effett speċjalment fuq pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandhom rabtiet mar-Renju Unit.  Malta hi waħda minn dawk l-aktar li ser tintlaqat.  L-attitudni pożittiva twassal biex theddida serja għall-ekonomija tagħna indawruha fi sfida.  Hekk għamel dan il-Gvern u rsista u għadu jirsisti biex dawk il-kumpaniji li huma bbażati fir-Renju Unit  u għandhom is-swieq tagħhom fl-UE, jifthu l-uffiċini Malta.  B’hekk id-daqqa ta’ Brexit indawruha biex jekk jista’ jkun noħorġu aktar qawwijin mil-lum.

    L-attitudni tal-Gvern wasslitu biex iħares mhux biss lejn il-preżent, iżdali jiffoka fuq il-futur.  Hu minħabba f’hekk li barra li komplejna nsaħħu s-settur finanzjarju, l-ewwel saħħaħna u kabbarna s-settur tal-Gaming u issa ntfajna fuq it-teknoloġija diġitali l-aktar avvanzata.  Ftit hawn nies li qed jaraw it-tibdil li t-teknoloġija diġitali ser iġġib magħha.  Il-Gvern iddentifika żewġ affarijiet u qed jaħdem biex Malta tkun fuq ta’ quddiem fuqhom.  Hemm il-blockchain u l-Artificial Intelligence.  Filwaqt li ta’ l-ewwel toħloq opportunitajiet biex it-teknoloġija tkun aktar b’saħħitha, l-AI ser iġġib taqlib kbir.  Taqlib mhux biss ta’ kif isiru l-affarijiet, iżda wkoll taqlib soċjali speċjalment fil-qasam tal-impiegi.  

    Attitudni negattiva twassal biex nippruvaw inwarrbu din it-teknoloġija filwaqt li waħda pożittiva twassal biex nippruvaw nużaw it-teknoloġija għall-vantaġġ tagħna.  Xi ħaġa li l-istorja dejjem uriet kienet li t-teknoloġija ma tistax tiġġildilha, iżda tużha u tikkontrollha biex l-aspetti negattivi tagħha innaqqsuhom kemm jista’ jkun.  Tajjeb li min għandu ftit ħin jara dak li qed jiġi espost permezz tat-teknoloġija diġitali fil-fiera CES 2019.  

    Tlett okkażjonijiet oħra

    Din is-sena ser ikollna tlett okkażjonijiet oħra fejn Malta trid tagħmel l-għażliet:

    L-ewwel okkażjoni hi l-ħatra ta’ President ġdid.  Il-President Coleiro Preca nemmen li llum stabbilit standard għoli ħafna.  Personalment nemmen li hi waħda mill-aħjar Presidenti li qatt kellna.  Mhux biss kienet ‘il fuq mill-politika iżda kienet ukoll il-vuċi taċ-ċittadini.  Il-ħidma tagħha mhux biss kienet ta’ ġid għas-soċjeta’ tagħna iżda kienet pożittiva għaliex kabbret l-għaqda fil-poplu Malti.  Dan barra li hi mhux biss tiltaqa’ man-nies u tismaħhom iżda għamlet il-Palazz Presidenzjali ċentru ta’ attivitajiet li qatt qabel ma konna rajna bħalhom fosthom riċerka.  Min ser jintgħażel ser ikollu biċċa xogħol iebsa biex jilħaq dawn l-istandards li l-President L M Coleiro Preca issettjat.

    It-tieni okkażjoni hi l-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej.  L-aħħar ħames snin urewna kemm hi importanti din l-għażla.  Kull ċittadin irid jibbaża l-ġudizzju tiegħu fuq il-pożittivita’ tal-persuna.  Rajna kemm għamlet ħsara l-attitudni negattiva.  Il-ħsara li saret ma saritx għal xi grupp partikolari ta’ Maltin iżda għall-Maltin kollha, sew fil-preżent u sew fil-futur.  L-aktar li laqtet din il-ħsara kienet liż-żgħażagħ, speċjalment dawk b’edukazzjoni għolja.  Dan għaliex l-aktar settur li ntlaqat minn din il-ħsara kien is-settur finanzjarju – settur li jimpjega nies ta’ abbilta’.  Il-ħsara saret ukoll lil dawk iż-żgħażagħ li kienu qed jaraw il-futur tagħhom barra minn Malta.  In-negattivita’ li kien hemm wasslet biex il-barranin jħarsu b’ċertu dubju fuq kull Malti minħabba l-istampa kerha li tpinġiet li l-poplu Malti hu wieħed korrott.  

    Din l-elezzjoni ser tpoġġi lill-Partit Nazzjonalista f’sitwazzjoni li jrid jagħmel l-għażliet tiegħu.  L-għażla prinċipali hi jekk dan il-Partit imurx lejn il-pożittivita’ jew lejn in-negattivita’ estrema.  Din id-deċiżjoni mhux biss ser tolqot lill-Partit Nazzjonalista iżda lix-xenarju politiku Malti għas-snin li ġejjin u tolqot ukoll lill-Maltin kollha.

    Hemm okkażjoni oħra li l-poplu hemm bżonn jifhem il-ħtieġa tagħha.  Dan hu t-tibdil fil-Kostituzzjoni tagħna.  Id-dinja nbidlet u hemm bżonn ninbidlu magħha.  Jekk ma ninbidlux ser noħolqu problemi kbar għall-futur tagħna.  Diġa’ qed naraw l-effett tagħha llum.  Bħal ma diġa’ ktibt minħabba artiklu 39(1) tal-Kostituzzjoni llum għandna l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA hu wieħed ikkastrat.  Dan mhux qed jolqot lil dan l-Uffiċċju biss għaliex din ir-restrizzjoni qed ikollha effett fuq kull Awtorita’ li twaqqfet.  Bil-Kostituzzjoni preżenti, l-Awtoritajiet li għandna ser jiġu ikkastrati għaliex la jistgħu jimponu multi u lanqas jieħdu deċiżjonijiet ta’ natura kriminali.  Bil-Kostituzzjoni preżenti dan ix-xogħol ser jibda jsir mill-Qrati – xogħol li l-Qrati qatt ma kienu ġew maħluqa għalih.  Bħal dan l-artiklu żgur li hemm oħrajn li jridu jiġu rranġati biex il-Kostituzzjoni tkun mhux biss ta’ ħarsien għall-poplu Malti iżda wkoll mezz li toħloq u mhux toħnoq il-possibilitajiet għall-poplu.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook