L-importanza ta’ għotja demm

  • Jan 16, 2019 13:00
  • Miktub minn Chris Fearne

    Ninsab ċert li xi darba jew oħra kulħadd qara jew semgħa xi forma ta’ avviż dwar l-importanza li jingħata d-demm. Madankollu jista’ jkun ukoll li mhux kulħadd huwa konxju daqskemm għandu jkun dwar din l-istess importanza.  Ma tista’ tasal mkien aktar milli tgħid li borża demm tista’ tkun il-fattur determinanti fuq jekk persuna tkomplix għaddejja b’ħajjitha jew le. Tali persuna tista’ tkun tarbija ta’ twelid, tista’ tkun omm li waslet biex twelled, tista’ tkun persuna li se tiddaħħal għal operazzjoni maġġura. Tali importanza tapplika f’kull każ, irrelevanti mill-età tal-persuna inkwistjoni.

    Għotja demm hija att ta’ ġenerożità. Fl-opinjoni tiegħi l-akbar att ta’ ġenerożità li wieħed jista’ jagħmel. Att ta’ ġenerożità li fih hemm rifless is-sens ta’ solidarjetà li għandu jkun hemm bejn u lejn kull wieħed u waħda minna. Għall-grazzja t’Alla ma nistgħux ingergru dwar dan. Il-poplu Malti u Għawdxi jagħti aktar minn prova waħda ta’ kemm hu ġeneruż u solidali kull meta jinqala’ l-bżonn. Madankollu xorta nemmen li fejn jidħol l-għoti tad-demm għad hemm lok sewwa fejn nuru aktar ġenerożità, fejn nuru aktar solidarjetà.

    Bħalissa t-talba regolari għat-trasfużjoni tad-demm mill-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex hija ta’ 50 borża demm kuljum. U dan meta kollox ikun ippjanat u allura mhux qed ngħodd meta jinqalgħu okkażjonijiet mhux previsti, bħal xi forma ta’ disgrazzja. B’sodisfazzjon ngħid li matul is-sena li għaddiet kien hemm 21,627 ta’ drabi li persuni resqu biex jagħtu d-demm, ċifra li tfisser 457 fuq dik tas-sena preċedenti. Effettivament matul is-sena 2018 saru 16,214 donazzjoni tad-demm, żjieda ta’ 271 donazzjoni fuq l-ammont tas-sena 2017.

    Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li flimkien mal-kollega s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis aktar mkieni din il-ġimgħa ppresedejna fuq iffirmar ta’ ftehim bejn il-Bank Nazzjonali tad-Demm u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu l-Kunsilli Lokali se jkomplu jinvolvu ruħhom aktar mill-angolu soċjali ta’ ħidmiethom fost ir-residenti tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Il-Kunsilli Lokali se jkunu qegħdin jorganizzaw attivitajiet speċifiċi għall-ġbir ta’ għotjiet ta’ demm, tant li huwa previst li matul din is-sena se jkunu qegħdin jinġabru madwar elf borża demm permezz ta’ dawn l-attivitajiet.

    Dan l-aspett soċjali min-naħa tal-Kunsilli Lokali se jkun qiegħed jikkumplimenta d-deċiżjoni li konna ħadna aktar qabel li biha kien nbeda l-proċess ta’ devoluzzjoni tal-Bereġ tas-Saħħa li għandna f’diversi bliet u rħula biex dawn jgħaddu għand il-Kunsilli Lokali.

    Finalment, nerġa lura għal dak li bdejt bih: l-importanza tal-għoti tad-demm. Ftakar li jista’ jkun hemm ġurnata fejn INT tkun teħtieġ id-demm. Kuraġġ, m’hemm xejn minn x’hiex tibża, kif ikollok iċ-ċans mur agħti d-demm. Il-Bank tad-Demm fi Gwardamaġa jkun miftuħ kuljum.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook