BREXIT... MAJJAL... IR-RABAT

  • Jan 17, 2019 11:03
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-premessa li l-Ingliżi ma jafux xi jridu u li l-Ewropej żammew sammi flimkien fin-negozjati għall-Brexit kienet il-pedament ta’ kif ġew ippreżentati fil-midja l-iżviluppi dwar il-ħruġ tal-Gran Brittanja mill-Unjoni Ewropea.

    Il-problema x’aktarx tista’ tkun li waqt l-inċertezzi għaqdu madwar ir-Renju Unit sa minn meta ttieħed il-vot tar-referendum, l-inċertezzi għadhom qed jibdew għall-Unjoni Ewropea.

    Forsi mhix daqstant kwistjoni dwar kemm iva jew le, l-Ewropej żammew flimkien – ħaġa li tista’ tinħass pwerili meta n-negozjati jkunu ntemmu għal kollox. Aktar hi kwistjoni dwar x’se jkun l-effett tal-Brexit – ekonomiku u soċjali – fuq l-Ewropa kollha kemm hi.

    Għar-Renju Unit, inħolqu dilemmi ekonomiċi u kostituzzjonali enormi. Kif se jsolvuhom verament għadu proċess li jibqa’ għaddej għal aktar snin.

    Min-naħa l-oħra, dik tal-Ewropa, l-għażla li jippretendu li l-affarijiet jistgħu jibqgħu sejrin bħal qabel tista’ tkun waħda riskjuża. Issa naraw. Dejjem tibqa’ t-triq li lkoll nillipazzaw.

    MAJJAL

    Qisha xi ħaġa li waqgħet f’daqqa mis-sema. Bħal fil-każ tal-biedja, tqajmet il-problema tal-majjal prodott f’Malta. Il-bejgħ tiegħu naqas bil-kbir. L-ispejjeż tal-produzzjoni kibru wisq u daħlet kompetizzjoni bla rażan mill-Ewropa li sfrondat kull prezz.

    Niddejjaq ngħid “għednielkom x’kien se jiġri” imma t-twissija hemm kienet. Ma hemm l-ebda mod kif il-produzjoni tal-majjal setgħet tibqa’ vijabbli hawn fil-kondizzjonijiet tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea... sakemm forsi ma ttieħdux ċerti passi.

    Bħal li jinħoloq  “brand” ta’ majjal Malti li jsostni bla waqfien l-identità tiegħu. Jew inkella billi l-produzzjoni Maltija taddotta prattiċi Ewropej, billi pereżempju tinjetta l-ilma fil-laħam ħalli “ttejjiblu” d-dehra u l-piż. Dawn ma jkunux fl-interess tal-konsumatur.

    Biex tgħaxxaqha, bl-embargo Russu fuq importazzjoni tal-laħam Ewropew, żdiedet il-provista tal-majjal mill-Ewropa lesta għall-bejgħ bir-ribass. Fuq hekk ukoll kont wissejt.

    IR-RABAT

    Il-Ħadd li għadda, l-kesħa kienet aktar minn qawwija fir-Rabat (Malta). Imma n-nies kienu allegri. It-tberik tal-annimali fuq is-Saqqajja kienet ċerimonja tassew simpatika (l-aktar żwiemel u ponies, imma anke ħmar fost oħrajn). Fir-reżħa tal-Monti n-naħa l-oħra tal-villaġġ, in-nies kienet qed tara kif tagħmel l-aħjar xirja.

    F’ħanut kienu qed ibigħu il-“mulled wine”! Ħadt tazza. Kienet tajba daqs ta’ Brussell jew Strasburgu.

    Ma naqsux il-kummenti ta’ dawk li ltqajna magħhom. Bqajt impressjonat kif uħud donnhom urew biża’ dwar li qed jiġri fl-Ewropa. Immigranti, ġlied fit-toroq ta’ Pariġi, il-Brexit, l-Italja li donnha qed thedded lil Malta... Kollha punti li tqajmu, hekk, b’mod spontaneju...

    It-tweġba tiegħi kienet dik li wieħed seta’ jistenna. Ma kellix diffikoltà biex nerġa ngħidha: f’kull ma nagħmlu rridu nitilqu minn fiduċja fina nfusna u f’pajjizna.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook