Swieq tax-xogħol

  • Jan 21, 2019 11:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Hemm indikazzjonijiet li m’għandniex suq tax-xogħol wieħed fil-pajjiż, b’livelli tal-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol li jkollhom impatt “interattiv” fuq xulxin.

    Minflok, is-suq tax-xogħol inqasam f’setturi mifrudin sew u x’jiġri f’wieħed ftit jaffettwa lill-ieħor. B’mod ġenerali, għax ir-rata tal-qgħad hi daqshekk baxxa, it-tensjoni fis-setturi kollha qed tkun waħda ta’ diffikoltà fis-sejba ta’ personnel.

    Jekk fhimt tajjeb, l-aktar li tinħass dit-tensjoni hu fl-oqsma li jirrekjedu snajja diġitali u finanzjarji. Hawn il-pagi baqgħu jogħlew. Iċ-ċaqliq ta’ personnel minn impjieg għal impjieg aċċellera.

    Imbagħad hemm setturi fejn ix-xogħol hu xxamplat u bi produttività baxxa, u fejn iċ-ċaqliq minn impjieg għal impjieg ftit jeżisti. Sadattant jeżistu oqsma oħra b’pagi baxxi, prekarjat qawwi u esplojtazzjoni tal-immigranti.

    Dil-firda fis-suq tax-xogħol qed iżżomm relattivament baxxa iż-żieda medja fil-pagi tal-ħaddiema kollha.

    ***

    IRONIJI MALTIN

    Int u tidħol fl-ajruport ta’ Malta u ssuq lejn in-naħa tad-daħla prinċipali, tilmaħ fuq ix-xellug xogħlijiet ta’ bini mgħottija b’ħajt proviżorju. Hu miksi b’faċċata ta’ djar stil antik li issib -- jew kont issib – f’xi triq ewlenija tal-irħula li twasslek sal-misraħ quddiem il-knisja parrokkjali.

    Ir-ritratti huma magħmulin tassew tajjeb u kif impostati waħda ħdejn l-oħra jagħtuk l-impressjoni li qed tara l-ġenb ta’ triq stil Malti.

    Barrani fostna jara din il-“wirja” hu u tielaq. Niddubita kemm jagħraf li qed jara rappreżentazzjoni ta’ triq tradizzjonali Maltija.

    Konna (u għadna) preokkupati biex inwaqqgħu djar bħal dawn kull fejn jinsabu fiċ-ċentri tal-villaġġi. Minflokhom intellgħu appartamenti moderni jistrieħu fuq garaxijiet.

    Hi ironija Maltija li barrani jara triq tradizzjonali kif m’għadhiex teżisti, waqt li qed iħallina.

    ***

    KOLOMBU ĊINIŻ                 

    Inżammet esibizzjoni ċkejkna imma interessanti fil-Parlament Ewropew il-ġimgħa l-oħra dwar il-vjaġġi lejn il-Punent tal-Ammirall Ċiniż Zheng He. Fil-bidu tas-seklu 15, telaq bi flotta ta’ vapuri minn Nanġing, il-kapitali taċ-Ċina f’dak iż-żmien, fil-lvant estrem. Qasam l-ibħra sakemm wasal fil-kosta tal-lvant tal-Afrika. Tenna l-vjaġġ xi seba’ darbiet, f’eżerċizzju ta’ navigazzjoni li sa fejn hu magħruf qatt ma sar wieħed bħalu qabel.

    It-tħejjijiet għall-vjaġġi ta’ Zheng He kienu impekkabbli. Ir-riżorsi umani (fosthom xjenzati biex jistudjaw l-imkejjen fejn l-espedizzjoni waqfet) u l-materjali li ġew mobilizzati huma impressjonanti. Il-livell teknoloġiku tal-baħħara Ċiniżi kien ferm aqwa minn dawk li kważi mitt sena wara, Kristofru Kolombu seta’ jiġbor għall-espedizzjonijiet tiegħu lejn “l-Indja”.

    Kurżità waħda toħroġ minn dawn l-esplorazzjonijiet ta’ Zheng He. Wara li saru, iċ-Ċiniżi donnhom iddeċidew li ma kellhomx għalfejn iżommu kuntatt mal-popli u l-pajjiżi li żaru. Qiesu li aktar jaqbillhom jingħalqu wara l-fruntieri ta’ pajjiżhom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0