Brexit

  • Fra 03, 2019 08:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Kif ser tispiċċa Brexit, prattikament ħadd ma jaf, minkejja li Marzu hu magħna.  Ir-raġuni hi li l-politiċi fir-Renju Unit għadhom iħawdu għalkemm dawn l-aħħar jiem jidher li l-Parlament Ingliż riesaq lejn direzzjoni aktar determinata lejn Brexit.  Min irid li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea (UE) b’xi xorta ta’ ftehim, ftit li xejn qed isibu għajnuna mill-UE.  Biex tkompli taxxaqa, il-media qrib l-UE, bħal Euronews u Politico huma mmexxija minn ġurnalisti Ingliżi li jridu r-Renju Unit tibqa’ fl-UE. 

    Personalment dawn tal-aħħar qed jagħmlu aktar ħsara milli ġid peress li l-attitudni negattiva li għandhom għal pajjiżom stess. Veru li ħafna minnhom diġa biddlu ċ-ċittadinanza peress li sabu li marru tajjeb fl-Ewropa.  Din l-attitudni negattiva tara l-ħin kollu. 

    L-akbar aspett negattiv li hemm hu li aktar ħaġa li għandhom f’moħħom hu kemm ser imur ħażin r-Renju Unit.  Kull l-iċken ħaġa li tmur ħażin fir-Renju Unit ikabbruha kemm jifilħu.  Anki dawk l-affarijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ Brexit.  Din l-attitudni negattiva qed tgħin fit-taħwid li qed iħawdu l-politiċi tar-Renju Unit. 

    La dawn u lanqas il-ġurnalisti li semmejt m’huma qed jirrealizzaw li b’dan it-taħwid, hemm ċans kbir li r-Renju Unit joħroġ mill-EU mingħajr ftehim – dak imsejjaħ ‘hard Brexit’.  Il-ġurnalisti li semmejt kienu qed jittamaw li jkun hemm referendum ieħor biex forsi jħassar id-deċiżjoni li diġa’ ha l-poplu Ingliż.  Biss illum il-maġġoranza qed jirrealizzaw li ċans ta’ referendum ieħor hu wieħed remot ħafna.  Dan rajnih meta May salvat il-vot ta’ fiduċja li kellha tħabbat wiċċa miegħu l-għada li ħadet tkaxxkira bħal dik fil-Parlament Ingliż meta dak li ftehemet mal-UE ma ġiex aċċettat.

    Hu tajjeb li nirrealizzaw li Brexit hu bħal divorzju.  Hu aċċettat kemm hu aċċetat, ġid minnu mhux ser joħroġ.  Bħal żewġ persuni miżżewġa li jirrealizzaw li ma jistawx jibqgħu jgħixu ma xulxin għax ħajjithom tkun irrovinata.  Biss minkejja dan, huma stess jirrealizzaw li jekk jiġġieldu u jippikaw ma xulxin, it-tnejn ser imorru ħażin u agħar minn hekk imorrou t-tfal.  Iżda jekk il-partijiet jifthemu, minkejja li mhux ser ikomplu jgħixu ma xulxin, id-deni li jkun ser joħroġ jiġi mnaqqas kemm jista’ jkun.  L-istess fi Brexit.

    Min qed jaħseb li bi Brexit ir-Renju Unit biss sejjer ħażin, qed jiżbalja bl-ikraħ.  Ma ninsewx li r-Renju Unit għandu l-ħames l-akbar ekonomija fid-dinja u l-Ewropa ser tbagħati jekk titlef dan is-suq.  Dan barra li dan is-suq hu wieħed vibranti u ħafna mill-iżviluppi li naraw fl-Ewropa, ħafna minnhom bdew fir-Renju Unit. 

    L-impatt mhux ser ikun qawwi fuq pajjiżi żgħar bħal Malta, iżda anki l-Ġermanja ser tintlaqat ħażin għaliex ir-Renju Unit kien suq kbir għal prodotti u servizzi Ġermaniżi.  Aktar ma jibqa’ kummerċ bejn l-UE u r-Renju Unit, aktar jaqbel għal kulħadd.  Fil-fatt, din l-ġimgħa li għaddiet bqajt skantat bil-ġurnalisti tal-Euronews li dan mhux qed jirrealizzawh.  Kien għalhekk li peress li kien hemm negozjant Ingliż li jissapportja l-Brexit li waqqaf kumpanija fl-Ewropa biex n-negozju tiegħu fl-Ewropa jibqa’ għaddej, il-ġurnalisti tal-Euronews staqsew lin-nies jekk iqisux dan bħala tradiment!  Li ma rrealizzawx huma żewġ affarijiet.  L-ewwel li la l-UE u lanqas ir-Renju Unit qatt qalu li ma jridux jagħmlu negozju wara Brexit – anzi t-tnejn ħadmu biex dak li hu possibli jibqa’ għaddej.  It-tieni hu li aktar ma l-Ingliżi jiftħu negozju fl-Ewropa, aktar jaqbel għal-Ewropa. 

    Ara aħna, peress li qed naraw din l-isfida bħala opportunita’, nies bħal dawn nilqgħhom b’idejna miftuħa għax nafu li dan jaqbel lilna għax jikkreaw aktar xogħol, joħolqu l-ġid u jagħmlu l-ekonomija tagħna aktar diversa u moderna.   

    Il-konsumaturi

    Il-konsumaturi, li jkopru liċ-ċittadini kollha,huma qieshom it-tfal waqt divorzju.  Huma li l-aktar li ser jintlaqtu bi Brexit għaliex din ser toħloq ambjent ġdid għal dawk li jkunu ser jintlaqtu.

    S’issa l-affarijiet għadhom mhux ċari għalkemm qed isir sforz biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm ċaqlieq u inċertezzi għall-konsumaturi mingħajr bżonn. 

    Ċerti affarijiet diġa’ sar qbil bħal per eżempju il-liġijiet dwar l-ikel, l-enerġija u mediċini fost oħrajn ser jibqgħu l-istess fir-Renju Unit bħal ma huma issa sakemm jinbidlu.  Dan iffisser li ħafna proċeduri f’dawn l-oqsma mhux ser ikunu ikkomplikati għalanqas fil-bidu.

    Min-naħa l-oħra ċerti affarijiet huma ċerti.  Żgur li, per eżempju, li l-prezzijiet tal-prodotti mir-Renju Unit ser jiżdiedu.  Żgur ukoll li fil-futur, il-liġijiet ser ikunu wkoll differenti u li ċerti servizzi, bħal European Consumer Centres, ser jispiċċaw.

    It-tajjeb tagħna hu li l-Gvern għaraf ir-relazzjoni speċjali li għandha Malta u fejn jista’ iħalli kollox kif inhu.  Naħseb waħda mill-aktar importanti hu li l-ftehim li Malta kienet għamlet mar-Renju Unit dwar is-saħħa fis-sebgħinijiet ser jibqa’ effettiv.  Dan hu ta’ serħan il-moħħ għal poplu in generali minħabba ir-relazzjoni viċina li għandna wasslet għal ħafna ġid għall-pazjenti Maltin u Għawdxin. 

    Il-konsumturi tajjeb li jkunu jafu li l-Gvern waqqaff ċentru għal dawk li jkollhom xi mistoqsijiet dwar Brexit.    Dan tista’ tikkuntattjah billi ċempel fuq 153 u tagħżel in-numru 5.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook