INKWIET EKONOMIKU?

  • Fra 04, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    INKWIET EKONOMIKU?

    Sa ftit ilu kont nemmen li ċerti bassara qed jesaġeraw fl-inkwiet li bdew juru dwar il-qagħda ekonomika fl-Ewropa u lil hinn minnha. Wara kollox, ir-rankatura fl-ekonomija taż-żona ewro ilha soda għal żmien sew. Minkejja kull ma ngħidu dwar il-President Trump, kemm ilu fil-kariga l-ekonomija Amerikana tħarrket.

    Biss issa qamu wisq fehmiet negattivi. Ma tistax twarrabhom. Ġejjin minn istituzzjonijiet ta’ stoffa li mhux dejjem jaqblu bejniethom... Mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-Fond Monetarju Internazzjonali għall-Kummissjoni Ewropea għall-ministeru responsabbli mill-ekonomija Ġermaniża... F’din, kellu jitnaqqas bil-kbir it-tbassir dwar kemm se tikber dis-sena waqt li l-Italja daħlet f’riċessjoni.

    Meħuda flimkien, il-fatturi li jispjegaw dan l-inkwiet ekonomiku huma impressjonanti: fost oħrajn: il-Brexit; it-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku fiċ-Ċina; il-protezzjoniżmu li qed jinxtered, aktar u aktar kemm ilhom li l-Istati Uniti kkonvertew għalih; l-inċertezzi li jinħolqu bil-konfużjoni dwar kif qed nilqgħu għall-bidla fil-klima...    

     

    ŻIEDA FIN-NIES

    Iż-żieda fil-popolazzjoni tagħna... eżistenti u mistennija... hi bla preċedent. M’inix wieħed minn dawk li dil-ħaġa ma jqisuhiex bħalha problematika.

    Biss anke dawk li ma jarawhiex ta’ barraminnhawn ikollhom jaqblu li għandha konsegwenzi fuq il-mod kif se torganizza ruħha l-komunità tagħna. U dan lil hinn mill-fattur li l-aktar jissemma  – l-akkomodazzjoni u l-livelli tal-kera.

    Hemm pereżempju l-konsegwenza ta’ użu akbar tal-infrastruttura publika  bħal bil-ħteġiet aqwa ta’ manteniment u tindif li dan iġib miegħu. F’parti kbira, jintlaqat l-operat tal-kunsilli lokali. Ix-xogħol se jiżdied għalihom u biex ikampaw se jkunu jeħtieġu baġits akbar.

    Smajt min isemmi wkoll il-piż akbar fuq l-edukazzjoni publika bil-wasla fl-istess klassi ta’ tfal b’kulturi u ilsna varjati. 

    Mhux biżżejjed li niflu ż-żieda fin-nies fostna mil-lenti tas-suq tax-xogħol ħalli nifhmu kif dan qed jevolvi. Jeħtiġilna nqisu b’reqqa l-impatt fuq oqsma soċjali wiesgħa ħalli nlestu strutturi finanzjarji u organizzattivi li jgħoddu għal diż-żieda.

    PRATTIKA RELIĠJUŻA

    Ingħatat pubbliċità dan l-aħħar lil rapport dwar kif (u jekk) il-Maltin u l-Għawdxin żammewx il-prattika reliġjuża ta’ li jmorru l-quddies għal tmiem il-ġimgħa.

    Personalment ma stagħġibtx bir-riżultati miksuba. Jirriflettu tendenzi li seħħew f’pajjiżi oħra Kattoliċi fl-Ewropa, għalkemm f’tagħna b’dewmien fuq tagħhom. 

    Aktar insibha interessanti bidla fl-attitudini personali ta’ kif sirna nistqarru bla kumplessi  fhiex nemmnu. Tletin sena ilu jew ftit aktar, ma kinitx ħaġa faċli ssaqsi lil persuna jekk temminx f’Alla. Anke waħda ta’ kalibru intellettwali għoli, setgħet tħossha imbarazzata biex twieġeb u tevita risposta. Illum jistaqsuha bħala parti minn profil qasir f’gazzetta lil persuna ukoll ta’ kalibru, u r-risposta tkun skjetta, ċara u onesta.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook