DJAR TAL-GVERN

  • Fra 14, 2019 11:52
  • Miktub minn Alfred Sant

    DJAR TAL-GVERN

                            Hi miżura tajba ħafna li l-gvern mhux sempliċement se jipprovdi aktar binjiet ta’ “housing” soċjali. Biħsiebu jissorvelja t-tmexxija tal-binjiet u jiżgura li r-residenti ġodda jibqgħu jtejbu l-pożizzjoni tagħhom sakemm ikunu jistgħu jitilqu għal rashom.

                            Mhux se tkun biċċa faċli. Sal-lum, l-esperjenza li kellna bid-djar li pprovda l-gvern rat it-tajjeb u l-ħażin. Matul is-snin, il-politika f’dal-qasam kellha tal-aktar żewġ miri.

                            Il-mira li tinħoloq provista ta’ residenzi biex jinxtraw jew jinkrew mill-kotra ta’ familji ġodda bi dħul medju jew baxx; dan fi żmien meta l-provista kummerċjali ta’ djar kienet batuta jew wisq għolja fil-prezz. It-tieni mira kienet dik li persuni u familji bi dħul baxx wisq (foqra?) jinstabilhom fejn joqogħdu.

                            Għalkemm il-livelli tal-għajxien tjiebu sew, jidher li politika aġġornata dwar il-“housing” trid terġa titfassal biex tlaħħaq maż-żewġ miri flimkien.

    IŻOMMU JEW INEĦĦU? 

                            Forsi tlift il-fil... imma eżattament xi trid il-familja tas-sinjura Caruana Galizia? Li l-libelli kontra tagħha jitwaqqgħu minn min għamilhom? Jew li jinżammu?

                            Fil-bidu nett, niftakar li kienu insistew li riedu li l-libelli jitkomplew sal-aħħar, ħalli l-allegazzjonijiet li wasslu għalihom jintwerew bħala minnhom.

                            Imbagħad, il-kelma kienet li dawk li żammew il-libelli għamlu hekk biex jivvitimizzawhom u anke jintimidaw lill-ġurnalisti Maltin. Talanqas hekk tmexxiet l-istorja fost id-deputati Ewropej.

                            Issa ħareġ attakk kontra min waqqa’ l-libelli li kien beda, bħall-Ministru Chris Cardona. Għamel hekk, intqal, biex ma toħroġx informazzjoni fuq l-allegazzjonijiet li dwarhom għamel libell.

                            Diffiċli tikkonkludi li din l-inkoerenza mhijiex intenzjonata... dejjem jekk ma tliftx il-fil ta’ li jinsab għaddej.

    DNUB...

                            Dnub li domt daqshekk biex niskopri ktieb mill-isbaħ li ħareġ fl-2007: “Carmelo Mangion – His life and Works.” Ġie f’idejja dan l-aħħar. Barra milli jagħti informazzjoni dettaljata dwar il-ħajja ta’ dan l-artist eċċezzjonali, il-ktieb jirriproduċi f’ritratti mill-aqwa, ħafna mill-ħolqien artistiku tiegħu.

                            Jagħti ġieħ lil Mangion li matul ħajtu (1905 – 1997) ma kisibx il-fama ta’ xi Emvin Cremona jew Esprit Barthet. Wara li studja f’Ruma u Pariġi u qatta xi żmien New York, ġie jgħix għal kollox f’Malta, fejn għallem l-arti u telaq għall-itinerarju artistiku tiegħu. Ftit li xejn esebixxa jew biegħ mill-produzzjoni tiegħu għalkemm hi folta sew.

                            Meta fl-1995 flimkien mal-ħabib tiegħi Joe Vassallo (tal-Mellieħa) laqagħni fid-dar tiegħu Triq Mrabat, Tas-Sliema, bqajt impressjonat għall-aħħar bix-xogħlijiet numerużi li weriena, kif ukoll bil-viżjoni artistika profonda li fissrilna.

                            Il-ktieb miktub u ppreżentat b’ħila kbira minn Joseph Paul Cassar f’publikazzjoni lussuża tal-Midsea Books ġabli lura tifkiriet ta’ dik iż-żjara.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook