Wara l-maltemapa ta’ tmiem il-ġimgħa

  • Fra 27, 2019 09:17
  • Miktub minn Chris Fearne

    Ftit li xejn nesperjenzaw maltempata bħal dik li laqtet lill-gżejjer tagħna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Tant hu hekk li huwa rekordjat uffiċjalment li ilha ma sseħħ maltempata ta’ dak il-kwalità sa minn Ottubru tas-sena 1982, aktar minn 36 sena.

    Il-fatt li maltempati bħal dawn huma rari jistgħu b’xi mod jaqbduk nieqes milli tkun preparat għalihom kawża tan-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom. Imma għandu jkun rimarkat b’sodisfazzjon kbir li l-mod li bih irreaġixxew l-entitajiet kompetenti, b’mod partikolari d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, wera li hemm il-kompetenza meħtieġa f’ċirkostanzi imprevidibbli bħal dawn. Tista’ tkun taf li ġej il-maltemp imma fil-verità kif u x’se jkun se jseħħ fir-realtà mhux daqstant faċli.

    Għall-grazzja t’Alla u bil-kordinazzjoni ta’ kull entità, meqjus x’maltemp kien, ma kellniex fatalitajiet u lanqas nies midrubin. Min-naħa ta’ Ministeru għas-Saħħa kellna l-Isptar Mater Dei fuq alert massimu u preparat għal kull eventwalità.

    Rajna fuq il-mezzi tax-xandir filmati tal-ħsarat kbar u ta’ kif kienet qed tiżviluppa l-maltempata, partikolarment ix-xeni tal-baħar bħal donnu jrid jibla’ l-art, imma xorta waħda ma tasalx biex tkun taf x’ikun għaddej kompletament. Tasal għal dan meta tibda ħierġa l-istatistika u ssir taf, per eżempju, li f’temp ta’ 48 siegħa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili intervjena fuq kważi 500 sejħa għall-għajnuna. Il-gravità ta’ kull sejħa tkun tvarja minn waħda għal oħra imma għall-individwu konċernat id-dinja tkun tibda minn ħdejh u tispiċċa ħdejh u ma tlumux. Żied ma’ dawn ‘il fuq minn 2,000 talba għall-għajnuna li daħlu għand il-Korporazzjoni EneMalta.

    Huwa f’sitwazzjonijiet bħal dawn li tispikka l-kordinazzjoni li intweriet bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Armata u l-Pulizija flimkien ma’ volontiera kemm mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll entitajiet oħrajn, fosthom St John’s Ambulance.

    Huwa imperattiv li f’ċirkostanzi bħal dawk ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-pubbliku jagħti widen għall-appelli li jsirulu, kif fil-verità tista’ tgħid li sar meta n-nies intalbu ma joħorġux minn djarhom jekk mhux f’ċirkostanzi li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor.

    L-utilità li jingħata widen għal appelli bħal dawn tista’ titkejjel mill-fatt li ma ġewx rappurtati inċidenti li fihom seħħew fatalitajiet jew korrimenti kif ukoll li dawk li d-dover kien jitlob minnhom li jkunu fit-toroq għaddejjin b’ħidmiethom kontra l-elementi tan-natura setgħu jagħmlu dan b’inqas tfixkil. Li ma kienx hekk ma kienux jinġabru aktar minn 155 tunnellata ta’ kull xorta ta’ debris f’temp ta’ 48 siegħa. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-koperazzjoni tal-pubbliku hija mill-aktar essenzjali anke fil-jiem ta’ wara li jkun għadda l-maltemp.

    Irrid ningħaqad mal-Prim Ministru u mal-poplu biex nirringrazzja u nagħti l-prosit lil dawk kollha li ħadmu bla heda biex ħriġna minn tali sitwazzjoni mingħajr fatalitajiet u korrimenti filwaqt li nirrikonoxxu l-ħsarat u d-danni finanzjarji kbar sofferti partikolarment mill-bdiewa u r-raħħala. Huwa għalhekk li l-Gvern se jkun qed jgħin direttament u se jkompli b’ħidmietu bil-għan li jekk huwa possibbli tinkiseb ukoll għajnuna finanzjarja minn fondi Ewropej ralatati ma’ diżastri naturali taħt il-European Solidarity Fund.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0