PN kredibbli?

  • Fra 28, 2019 16:15
  • Miktub minn Alfred Sant

    Apparti mill-ġlied li ħareġ fil-beraħ dwar min għandu jmexxi – jekk hux il-mexxej skreditat tal-bieraħ jew il-mexxej mhux aċċettat tal-lum – il-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli bħalissa għax mhuwiex koerenti f’dak li jistqarr bħala l-politika tiegħu.

    Veru, qed isiru tentattivi biex minflok it-tilwim fil-vojt li kien parti minn ħajjithom fl-aħħar sena u nofs, tal-PN jillimaw xi stqarrijiet ta’ politika ekonomika u soċjali. Biss, xejn ma kien ċar f’li qalu. Pereżempju, kien jeħtiġilhom jagħtu t-tifsira tagħhom... serja mhux pwerili... għal dak li jinsab għaddej fil-pajjiż.

    Dan għadhom mhumiex qed jagħmluh. Li tgħid li l-ekonomija qed tirrombla ’l quddiem fuq il-bejgħ tal-passaporti jew l-immigranti hi ħmerija manja.

    Biex ikunu kredibbli, tal-PN iridu jistqarru fejn u kif ibiddlu kieku jingħataw iċ-ċans, il-mudell preżenti fit-tmexxija tal-pajjiż. Minflok, jagħtu l-impressjoni ta’ tribu li fl-aħħar intebħet kif il-qaddisin u l-gwerriera tagħha qatt ma kienu aħjar minn merċenarji. Dis-sejba ttrawmatizzat lill-membri tribali.

    ***

    LAQGĦAT POLITIĊI

    Bħala parti mill-kampanja għal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, attendejt uħud mil-laqgħat annwali tal-membri tal-Partit Laburista f’diversi imkejjen tal-pajjiż. Ħassejt ċerta nostalġija.

    Għal snin twal, dik kienet waħda mill-ħidmiet li “kelli” nwettaq. Filfatt malajr drajt naraha mhux bħala dmir imma bħala pjaċir. Kienu jogħġbuni d-dibattiti dwar kif għandu jitmexxa ċ-ċentru Laburista tal-post u l-kontroversji dwar għażliet fit-tmexxija tal-bar jew fil-kompetizzjonijiet tal-billiards. Matul dawn id-disputi, kont tista’ tagħraf xinhuma l-ħsus tal-membri taċ-ċentru, bħala ċittadini impenjati fil-ħidma ta’ partit, u anke bħala ċittadini “komuni”.

    Ħassejt mill-ġdid l-istess sentiment, anke wara dawn is-snin kollha.

    ***

    REFERENDUM

    Ġimgħa ilu, fil-ġurnal influwenti “Le Monde” kien hemm rubrika twila dwar ir-referendum u l-użu tiegħu fit-tmexxija ta’ pajjiż. Sibtha interessanti anke fil-qafas ta’ diskors li ili ngħid dwar kemm hu minnu li l-użu tar-referendum jirrifletti tassew valuri demokratiċi.

    Issa fl-Isvizzera, li ħadd ma jista’ jiċħad il-kredenzjali demokratiċi tagħha, ir-referendum hu għodda normali ta’ kif il-pajjiż jagħmel l-għażliet tiegħu. Jien kont wieħed minn dawk li pproponew l-Isvizzera bħala mudell għal kif pajjiżna jista’ jippożizzjona ruħu internazzjonalment. Imma mhux fil-kwistjoni tar-referenda.

    Kif juri l-mudell Nażista tas-snin 20 u 30 tas-seklu l-ieħor, referendum jista’ jservi ta’ għodda li twassal għad-dittatura. Biss lil hinn min hekk, referendum fuq kwistjoni ta’ natura ewlenija jista’ jherri bil-qawwi il-qafas politiku ta’ nazzjon. Jekk ma jkunx marbut ma’ programm ta’ kif u fejn se titwassal il-proposta li qed issir lill-poplu – jew jekk wara l-proposta ma jkunx hemm organizzazzjoni serja biex twettaqha – x’jista’ jiġri?

    Mhux bħal ma qed jiġri fir-Renju Unit dwar il-Brexit?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook