Rapporti minn barra

  • Mar 04, 2019 19:10
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-ġimgħa li għaddiet, ħarġu kważi fl-istess ġurnata żewġ rapporti dwar il-qagħda ekonomika u soċjali f’Malta – wieħed mill-Kummissjoni Ewropea fil-kwadru tax-xogħol li hi tagħmel biex tassigura li t-tmexxija taż-żona tal-ewro qed issir kif imiss; u l-ieħor mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Ingħataw is-solta prominenza fil-midja Maltin, kif forsi jixirqilhom.

    Uħud taw emfażi lill-parti tat-tazza “vojta” fir-rapport u oħrajn lill-parti “mimlija”. Dil-logħba ndrat.

    Ikun aktar siewi jekk niffokaw fuq il-partijiet tar-rapporti li jressquna għal analiżi kritika tal-mod kif qed tiżviluppa l-ekonomija Maltija. Inżommu f’moħħna li dan l-iżvilupp qed jieħu direzzjoni li hi bla preċedent fl-istorja ekonomika mill-Indipendenza lil hawn – ili nirrepeti dil-ħaġa.

    Allura mingħajr ma nibilgħu kull ma l-FMI u L-KE qed jgħidlulna qishom kienu xi Vanġelu, għandna nagħrblu bis-sens u bla esaġerazzjoni l-kummenti tagħhom. Fejn nistgħu ntejbu dak li jinsab għaddej, dażgur, intejbuh! 

    ***

    ROAD WORKS

    Fl-aħħar ġranet għamilt ħafna sewqan mat-toroq tal-pajjiż. Ta’ kull darba kważi, iltqajt għal darba tnejn ma’ avviżi li jħabbrulek li “Road Works Ahead”. Minnufih issib ruħek ta’ spiss f’ġungla ta’ traffiku wieqaf. Erba’ darbiet fir-rotta ta’ bejn B’kara u ż-Żejtun.

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tqum il-mistoqsija: għaġġilna wisq biex insewwu u nibnu t-toroq kollha f’salt?

    Nifhem għaliex dil-ħaġa saret, żgur bl-aqwa intenzjonijiet. Il-verità hi li kull sistema tat-traffiku għandha limitazzjonijiet dwar kemm tista’ takkomoda xogħlijiet ta’ tiswija u bini mingħajr ma tispiċċa fgata. Il-gvern qed iwettaq pjan vast ta’ tiswijiet u bini ġdid. Tajjeb li qed isir hekk.

    Biss, wieħed ma jistax jistenna li l-affarijiet se jimxu tajjeb waħidhom. Speċjalment meta l-bidliet ikunu qed isiru mal-inħawi kollha, bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tal-gvern. Nibża’ li resqin lejn il-limitu ta’ kif it-tiswijiet jistgħu jitwettqu fuq l-iskala li għaddejjin biha, mingħajr ma jfuru f’gażiba manja.  

    ***

    INTERESSATI            

    Min huma n-nies interessati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew? saqsieni xi ħadd.

    Ma kienx l-ewwel wieħed li resaq b’mistoqsija simili. Xorta qgħadt nisimgħu fil-kwiet. Għidli, stedintu.

    Ftit jimportahom mir-realtà ta’ pajjiżhom, qalli. Moħħhom biss f’ideal ta’ Ewropa magħquda li ddewwibna lkoll, lilna l-popli Ewropej, f’tgħassida waħda. Kollox jiġi deċiż għalina minn Brussell.

    Ikolli ngħid li hemm ħafna li jemmnu bħalu, mhux biss f’Malta imma mal-Ewropa kollha. In-numru tagħhom qed jiżdied.

    Iqumu bosta argumenti favur u kontra x’inhuma jsemmu dawn it-talin. Jien li għandi r-reputazzjoni ta’ “Ewro xettiku” naħseb li qed jagħfsu bir-raġun fuq problema akuta fil-binja Ewropea. Imma mhumiex ikopru l-verità kollha dwar id-dilemmi li qed toħloq dil-binja. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook