Dinjituż

  • Apr 10, 2019 09:28
  • Miktub minn Alfred Sant

    M’hemmx kelma oħra – il-President ta’ Malta Dr George Vella kellu diskors mill-aktar dinjituż biex jiftaħ il-mandat presidenzjali tiegħu. Barra minn dinjituż, kien jirrifletti ħsieb u għaqal statali mibnija fuq esperjenza profonda tar-realtà politika Maltija.

    Hi ħaġa ċara: l-ideal tal-President biex l-għaqda nazzjonali tisseddaq mhux wieħed faċli li jintlaħaq. Bil-kliem, iva. Bil-fatti konkreti, mhux daqstant.

    Fil-ġibda ta’ interessi partiġġjani, personali u professjonali li jqumu fostna fi kwalunkwe kwistjoni ta’ importanza nazzjonali, hemm ħafna valuri li jispiċċaw miċħuda. Fosthom il-valur li rridu nġibu ruħna, lkoll kemm aħna, bħala nazzjon magħqud. Qatt mhu se jinstab mod kif dil-problema tinħall darba għal dejjem. Nissuspetta li se nibqgħu nitbandlu bejn deċiżjonijiet li jaslu għal forma ta’ kompromess favur ir-rettezza, u oħrajn fejn inħallu kollox jixxejjer mar-riħ.

    Il-President Vella hu wieħed minn fostna li għandhom l-akbar saħħa personali biex it-tbandil iressquh dejjem eqreb ir-rettezza, li minnha hu għandu bil-qliel.

    *** 

    GĦAX GĦAJJURIN?

    F’editorjal ta’ ġurnal bl-Ingliż ta’ kuljum fettillu jintqal li sħabi u jien fid-delegazzjoni Laburista tal-Parlament Ewropew għedna kif l-attakki fuq Malta dwar is-saltna tad-dritt u simili, huma motivati minn għira għas-suċċess ekonomku li l-pajjiż qed jikseb. Hi gidba li għedna hekk.

    Imma għedna iva, li l-akkużi huma esaġerati; li huma motivati minn qari partiġġjan ta’ kif qed isseħħ il-ġrajja politika tal-pajjiż; li nstab mod kif din tiddaħħal f’narrattiva li tpoġġi bħala ħtieġa, dik li t-taxxi fl-Unjoni Ewropea jinġabu fuq l-istess binarju fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. U għedna wkoll kif lobbies fl-Unjoni Ewropea jsibuha konvenjenti li biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, jisparaw fuq Malta għax hi pajjiż miċ-ċkejkna.

    Sirt nistenna kollox minn dan il-ġurnal li jippriedka l-qdusija imma mhux lest jipprattikaha kull meta din tirrokka mal-preġudizzji u l-interessi ta’ min imexxih. 

    ***

    REBBIEGĦA BIR-RITARD

    Din l-aħħar xitwa damet wisq. Mhux f’bard u kesħa, daqskemm f’xita u maltemp. Naqbel li ftit jagħmel sens li tilmenta meta fi gżira bħal tagħna, ikollna “wisq” ilma. Il-gwaj li s-soltu nilmentaw minnu hu n-nixfa.

    Biss b’mod naturali, nippretendu li ċ-ċaqliq tat-temp isegwi kemm jista’ jkun il-ħteġiet li jkollna minn jum għal jum. Did-darba, nitkellem personalment, kelli bżonn ta’ temp mill-isbaħ biex fil-ftit taż-żmien li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi, inkun nista’ nsegwi programm ta’ żjarat fid-djar. Ilu ma jkolli għalfejn minħabba x-xita, nikkanċella daqstant żjarat, jum wara l-ieħor.

    U biex tgħaxxaqha, dir-rebbiegħa bir-ritard kompliet tefgħet f’dellijiet umda u qawwija,  il-ġnien fejn ipprovajt inkabbar xi ward u pjanti ġodda. Il-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw soppa.=

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook