L-AĦĦAR TAL-MANDAT... Dil-ġimgħa timmarka l-aħħar tal-mandat tal-Parlament Ewropew.

  • Apr 15, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Bl-aħħar kompromess li nstab mill-gvernijiet membri dwar kif se jkompli l-proċess tal-Brexit, jidher li r-Renju Unit se jkun qed jieħu sehem fl-elezzjonijiet li riesqa. Legalment, mid-dehra ma nstabx mod kif jittawwal iż-żmien li fih ir-Renju Unit jibqa’ “membru” mingħajr ma jżomm elezzjonijiet Ewropej. Ma nafx x’sinjifikat se jagħtihom il-poplu Brittaniku, li mingħalih li t-triq tiegħu kienet ’il-barra mill-Ewropa mhux li jivvota f’elezzjonijiet Ewropej!

    Hemm affarijiet oħra li jqanqlu mistoqsijiet. Pereżempju, l-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew baqgħu għaddejjin bil-proposta li jinnominaw kandidat ewlieni f’isimhom. Min minnhom iġib l-aktar siġġijiet, jistenna li jitlaħħaq President tal-Kummissjoni Ewropea l-kandidat ewlieni tiegħu. Kemm se titwettaq dil-ħaġa?

    Terġa’: effettivament il-Parlament Ewropew ħadem kif ħadem għax għal ħafna miż-żmien tal-mandat, formalment jew informalment, inżammet alleanza jew koalizzjoni bejn il-Popolari u s-Soċjalisti u d-Demokratiċi, minkejja li seħħew battibekki bejniethom. Kemm jista’ jibqa’ vijabbli dan l-arranġament fis-snin li jmiss?

    GUG

    Kull meta fl-aħħar snin, iltqajt mal-kumitat tal-GUG – l-għaqda li tirrapreżenta lill-istudenti universitarji Għawdxin – dejjem kellna laqgħat produttivi. Matulhom tgħallimt ħafna dwar kif iż-żgħażagħ Għawdxin jgħixu ħajjithom, “maqsumin” bejn Malta u l-gżira tagħhom. 

    Erġajt kelli laqgħa oħra ftit ilu u mill-ġdid, sibtha tassew siewja. F’ċerti aspetti, il-ħajja tal-istudenti Għawdxin saret aktar diffiċli. Il-kirjiet tal-postijiet fejn joqgħodu saru aktar għolja, f’ċerti każi ħafna aktar.  Kemm jekk għandhom karozza, kemm jekk jużaw it-trasport publiku, il-ħinijiet tal-vjaġġi li jkollhom jagħmlu twalu. 

    Dwar prospetti tagħhom għall-futur, jekk fhimt tajjeb... rawhom sbieħ... sakemm jiġu jgħixu Malta. Saqsejthom dwar il-mina. Wieġbu li anke jekk tkun suċċess, meta titlesta żgur se jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom. Kellhom argument.

    INIZJATTIVI

    Ninsabu fiż-żmien meta mal-pajjiż kollu, f’inizjattivi personali jew ta’ għaqdiet, jinfetħu għall-publiku wirjiet “tal-Ġimgħa l-Kbira”. Sigħat twal ta’ tħejjija u xogħol imorru fuqhom... Nissuspetta li jiġu ħafna aktar minn dawk dedikati għal manifestazzjonijiet tal-Milied.

    Dnub li dis-sena se jerġa’ mhux se jkolli ħin (minħabba l-aħħar plenarja tal-Parlament Ewropew li tinżamm fi Strasburgu sal-Ħamis) nara mill-wirjiet dawskemm kont nara fi żminijiet oħra. Tabilħaqq il-varjetà tagħhom infirxet ħafna.

    Biss, kullimkien, tiltaqa’ mal-istess entużjażmu u impenn, mhux l-anqas – u dan li dejjem jissorprendini – fost iż-żgħażagħ. Għax tistenna li la dawn il-wirjiet huma tradizzjonali, u għax huma fost it-tifkiriet tal-ħajja li jġorru fihom persuni “maturi”, se jkunu tal-aħħar li jiddelettaw l-aktar f’dil-ħidma.

    Mentri mhux hekk. Veru, issib ħafna ta’ ċerta età li jkunu nvoluti f’dawn l-inizjattivi. Madankollu nikkalkola li l-għadd taż-żgħażagħ fosthom hu aqwa. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook