REGOLI EWROPEJ... STRASBURGU... ALAN GARCIA

  • Apr 22, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    REGOLI EWROPEJ

    Ħadd jew kważi f’Malta ma għandu idea ta’ xinhuma “covered bonds”. Aħna ma nużawhomx. F’pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Italja u d-Danimarka servew għal sekli bħala mod kif jiġu finanzjati mingħajr riskju, proġetti mill-aktar siewja. Fl-aħħar tliet snin, sar sforz biex is-swieq li fihom jinbiegħu il-“covered bonds” jingħaqdu f’qafas Ewropew.

    Kelli x’naqsam ma’ dan il-proġett min-naħa tal-Parlament Ewropew. 

    Kienet ġlieda kostanti biex ma nħallix il-ħolqien ta’ qafas Ewropew iservi bħala skuża biex dak li kien qed jirnexxi fis-swieq nazzjonali jinħonoq. Kien hemm min ried ilibbes l-istess żarbun lil kulħadd.

    L-isfida rbaħniha. Se jitwaqqaf suq Ewropew għal dawn iċ-ċedoli mingħajr ma tiġi sfrondata l-bażi nazzjonali li fuqha sa issa kienu suċċess kbir fil-pajjiżi fejn tħaddmu.

    STRASBURGU

    L-aħħar żjara fi Strasburgu għall-plenarji tal-Parlament Ewropew fil-mandat attwali għalija sfat  dominata minn żewġ esperjenzi.

    Kellna fil-bidu tal-ġimgħa l-ħruq enormi fil-katidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi. Rajnih fuq l-istazzjonijiet Franċiżi tat-televiżjoni u qajjem emozzjoni liema bħalha, li anke jen ħassejt. Matul is-snin, rabbejt sentiment ta’ “ħbiberija” lejn dan il-monument li aktar mit-torri Eifell, immarka għalija l-qofol tal-ħajja f’Pariġi.

    Imbagħad, jien u nħalli l-uffiċċju fejn ħdimt fl-aħħar ħames snin, bilfors kelli niftakar f’li ġara l-ewwel darba li rfist fih. Minnufih, waslitli b’telefonata l-aħbar li Anton Cassar, eks-editur ġenerali tal-gazzetti tal-Union Press, kien miet. Ma’ Anton ħdimt mill-qrib fil-qasam tal-komunikazzjoni politika sa mis-sena 1982. Kien wieħed mill-akbar ġentlomi li qatt iltqajt magħhom.

    Kemm kont nieħu gost kieku stajt nistiednu jiġi jżurni fi Strasburgu! 

    ALAN GARCIA

    Kont rajt lil Alan Garcia f’laqgħa tal-Internazzjonal Soċjalista li nżammet f’Lima fl-1986, matul l-ewwel mandat tiegħu bħala President tal-Peru. Inżammet fid-dell ta’ kolp tal-istat li kien se jiġi mmuntat mill-armata. Kien imexxi l-Arpa, partit soċjalista demokratiku li pprova jdaħħal riformi soċjali fil-pajjiż kontra reżistenza qawwija. Minħabba l-attentat ta’ kolp, il-laqgħa tal-Internazzjonal Soċjalista kienet se titħassar.

    Għalkemm xorta nżammet, ħafna delegazzjonijiet ma attendewx. Dr Karmenu Mifsud Bonnici, dak iż-żmien Prim Ministru ta’ Malta ddeċieda – u sew għamel – li xorta jmur. Jien tlaqt miegħu. 

    It-tensjoni f’Lima kienet kbira. Fil-pjazza ċentrali ta’ quddiem il-Palazz tal-President, skjeraw ruħhom it-tankijiet tal-militar. Kontra jew favur Garci?

    Hu ġie jitkellem fil-laqgħa tal-Internazzjonal Soċjalista. Fisser x’ried iwettaq f’pajjiżu. Deherli li tkellem tajjeb.

    Wara tilef l-appoġġ tal-poplu. Bidel il-linja politika. Reġa’ ġie elett President. M’inix f’pożizzjoni li niġġudika dwar dak li għamel wara. Imma l-aħbar li kkommetta swiċidju hu u se jiġi arrestat fuq xiljiet ta’ korruzzjoni, xxokkjatni.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook