Imminar tad-demokrazija mill-Partit Nazzjonalista

  • Apr 24, 2019 10:50
  • Miktub minn Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

    Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa għalaq iż-żmien li matulu setgħu jintefgħu n-nominazzjonijiet għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru flimkien ma’ dawk tal-Parlament Ewropew fil-25 ta’ Mejju li ġej. Meta tħares lejn x’irriżulta minn dan il-proċess issib li dak li jispikka l-aktar huwa l-mod pwerili li bih il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipprova jimmina d-demokrazija. Ironikament dan huwa l-istess partit li dejjem jiftaħar bit-twellid tal-Kunsilli Lokali u llum insibuh juża diversi tattiċi biex ixekkel lill-poplu milli jeleġġi b’mod demokratiku l-Kunsilli Lokali rispettivi.

    Mhux hekk il-Partit Laburista. Qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli biex lill-poplu nagħtuh l-opportunità li jeżerċita d-dritt tal-għażla anke fuq bażi ta’ bliet u rħula. Għax verament nemmnu fid-demokrazija. U huwa tajjeb li nesponu l-mod pwerili li bih tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jimminaw dan il-proċess demokratiku.

    Għal dawn l-elezzjonijiet il-Partit Laburista ppreżenta 399 kandidat kuntrarjament għal 296 li għandu l-Partit Nazzjonalista. Ċifri li juru li l-Partit Laburista żied in-numru ta’ kandidati meta magħduda n-numru ta’ kandidati li kienu ħarġu għall-elezzjonijiet tas-sena 2013 u tas-sena 2015.

    Tattika oħra li għamel użu minnha l-Partit Nazzjonalista hija li f’erba’ lokalitajiet – Xgħajra, Ħad-Dingli, Marsaxlokk u Ħal Għaxaq – ippreżenta biss kandidat wieħed. Li ma kienx għall-Partit Laburista, li ressaq numru sostanzjali ta’ kandidati fuq dawn il-lokalitajietma kienux isiru elezzjonijiet. Dan ifisser ferm aktar milli sempliċiment ma jsirux elezzjonijiet. Ifisser li ċ-ċittadini ta’ dawn il-lokalitajiet xorta waħda ma jkunux qegħdin jingħataw id-dritt li jgħażlu lil min iridu biex iservi fuq il-kunsill tal-lokalità. Mhux hekk il-Partit Laburista. Il-Partit Laburista qed jagħti liċ-ċittadin id-dritt li jagħżel anke minn fost il-kandidati tiegħu.

    Fi 13-il lokalità oħra l-Partit Nazzjonalista ppreżenta biss bħala numru ta’ kandidati daqskemm preżentement għandu kunsillieri fil-lokal rispettiv. Ifisser li l-votant Nazzjonalist m’għandux għażla.

    Għan ieħor tal-Partit Nazzjonalista  wara din it-tattika moqżieża huwa li jipprova jiskoraġixxi votanti tal-Partit Laburista sabiex jibqgħu d-dar u ma joħorġux jivvotaw. Il-Partit Nazzjonalista jrid li kemm jista’ jkun ma joħorġux nies jivvotaw u dan jagħti raġun lill-Partit Laburista meta jgħid li f’dawn l-elezzjonijiet huwa l-underdog.

    Kuntrarjament għal dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista aħna qed nuru l-motivazzjoni tagħna favur il-proċess demokratiku mhux biss bin-numru ta’ kandidati li ressaqna iżda wkoll mir-rieda li għandna li nkomplu nbiddlu anke fuq bażi lokali. Qegħdin nuru b’mod konkret min verament jemmen li ċ-ċittadini għandu jkollu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

    Se nibqgħu ninsistu u nħeġġu lil kulħadd biex nhar il-25 ta’ Mejju joħroġ jivvota. Il-vot huwa dritt li m’għandna qatt nirrinunzjaw għalih. Jekk naqgħu fin-nassa tal-Partit Nazzjonalista inkunu kompliċi miegħu fl-imminar tad-demokrazija.

    Patri Dijonisju Mintoff

    Naqbel kompletament u minn qalbi mal-kollega Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela fis-sottomissjoni tiegħu tan-nomina ta’ Patri Dijonisju Mintoff, Fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi Ġwanni XXIII għall-Premju tal-Paċi Felix Houphouet-Boigny-UNESCO 2019. Premju li jonora individwi ħajjin, korpi jew istituzzjonijiet pubbliċi jew privati li taw kontribut sinifikanti għall-promozzjoni, it-tfittxija, is-salvagwardja jew iż-żamma tal-paċi f’konformità maċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kostituzzjoni tal-UNESCO.

    Patri Dijonis għamel dan kollu permezz tal-Laboratorju tal-Paċi imwaqqaf fl-1971 f’Ħal Far. Patri Dijonis fittex li jagħti l-ħajja lill-ħolma tiegħu ta’ spazju miftuħ u mhux ristrett fejn in-nies minn kulturi u komunitajiet differenti jistgħu jitħalltu flimkien.

    Prosit lill-kollega Ministru u awguri lil Patri Dijonis.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0