Bini u ħarsien

  • Mej 06, 2019 10:49
  • Miktub minn Alfred Sant

    Jintqal x’jintqal dwar kemm id-ditti li jibnu f’pajjiżna saru jagħtu kas tar-regolamenti dwar kif itellgħu l-bini tagħhom, jibqa’ suspett. Ir-rata ta’ diżgrazzji fuq siti ta’ kostruzzjoni tibqa’ tielgħa mhux biss għax żdiedu s-siti imma għax żdiedu wkoll ħaddiema barranin  attivi fuq dax-xogħol.

    U jista’ jkun li la huma l-ħajjiet ta’ barranin li qed jidħlu fir-riskju ta’ xi daqqa kerha waqt il-ħin tax-xogħol, il-ħeġġa biex nilqgħu kontra d-daqqiet tiddgħajjef. Kemm hu minnu li l-akbar numru ta’ fatalitajiet fl-industrija tal-bini fl-aħħar snin kien ta’ ħaddiema barranin? Wieħed bilfors jistaqsi – f’kemm minn dawn id-disgrazzji nstab min kienu n-nies responsabbli għal x’ġara?

    Bħala nazzjon, ma tagħmlilniex ġieħ l-osservazzjoni – jekk tirriżulta korretta – li ftit li xejn jimportana mill-ħarsien tal-ħaddiema barranin. Madankollu, il-ħajja tal-bniedem, hu min hu, hi imprezzabbli. 

    ***

    ĠURNALIŻMU F’MALTA

    Kelli laqgħa interessanti ma’ rappreżentanti tal-Istitut Malti tal-Ġurnaliżmu. Kont interessat nisma’ l-fehmiet tagħhom dwar il-qagħda tal-midja stampata u tal-awdjoviżivi f’pajjiżna.

    Naturalment semmew kif dawn il-mezzi ta’ kumnikazzjoni qed jaffaċċjaw kompetizzjoni feroċi mill-midja soċjali, facebook u l-bqija, fejn l-aħbar saret titwassal mill-persuni għal persuni. F’Malta wkoll dan l-iżvilupp qed jimmina l-midja tradizzjonali, li saru anqas vijabbli. Imma xorta għandna bżonnhom. Is-sitwazzjoni fostna hi aktar serja għax il-midja tradizzjonali fiċ-ċokon tagħhom u ta’ pajjiżna kollu kemm hu, ssibhom aktar vulnerabbli.

    Ħlief għad-dell iswed u traġiku li waddab fuq il-ħajja kontemporanja ta’ Malta l-qtil faħxi tas-sinjura Daphne Caruana Galizia, minn dak li smajt matul il-laqgħa mhux possibbli tikkonkludi li fl-aħħar snin, il-ġurnaliżmu f’Malta sab ruħu fi xkiel akbar jew anqas mis-snin ta’ qabel.

    ***

    KAĊĊA U INSIB

    Waqt seminar dan l-aħħar tal-Bird Life fir-riżerva tas-Salina erġajt fissirt fehmiet li ili s-snin insostni. Il-kaċċaturi u n-nassaba f’pajjiżna għandhom id-dritt jipprattikaw id-delizzju tradizzjonali tagħhom, taħt kondizzjonijiet regolati tajjeb u b’serjetà.

    Il-kondizzjonijiet li nġabu għalihom bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ma aġevolawhomx; bil-maqlub. Imma issa huma l-liġi u jridu jkunu rispettati. Għal li ġej, se jkun hemm “attakki” oħra minn ħdan l-Unjoni Ewropea fuq il-pożizzjoni tal-kaċċa u l-insib. Se jkun hemm bżonn ta’ min ifisser dil-pożizzjoni b’mod serju u intelliġenti.

    Minkejja l-qasma li teżisti bejn dawk li fuq quddiem nett ipoġġu l-ħarsien tal-ħajja tal-għasafar, u l-kaċċaturi u n-nassaba, iż-żewġ gruppi għandhom interessi konverġenti li dwarhom jistgħu jikkoperaw. Per eżempju, l-akbar theddida għall-għasafar fl-Ewropa tidher li hi l-użu tal-pestiċidi. Skont l-aħħar studji, il-popolazzjoni tal-insetti fil-kontinent tinsab riesqa lejn sterminju.

    L-insetti huma sors ewlieni ta’ ikel għall-għasafar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook