Ħolma ta’ kontinwità b’moħħ mistrieħ

  • Mej 08, 2019 08:30
  • Miktub minn Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

    Kien ta’ sodisfazzjon u privileġġ għalija li flimkien mal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat u mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea u kandidat tal-Partiti Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej (S&D) għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, indirizzajt folla daqstant kbira ta’ Maltin u Għawdxin fi Pjazza Kastilja fl-okkażjoni ta’ l-Ewwel ta’ Mejju – Jum il-Ħaddiem.

    L-Ewwel ta’ Mejju huwa sinonimu mal-Partit Laburista. Għal ħaddieħor dan il-Jum dejjem kien musrana barranija u meta ‘ċċelebrah’ għamel dan bi sforz imqanżah. Meta l-Partit Laburista ċċelebra l-ewwel darba Jum il-Ħaddiem, 90 sena ilu, il-partit kien għadu fl-infanzja tiegħu, lanqas kien ilu ffurmat għaxar snin. U għax kien parti minnu, dan il-Jum baqa’ jkun ċeleberat sena wara l-oħra, f’forom differenti u skont iċ-ċirkostanzi tal-mument.

    Meta tħares lura lejn dawk iż-żminijiet, tfittex u taqra, issib f’liema kundizzjonijiet kienu jinsabu, jew aħjar, kienu miżmumin, il-ħaddiema. Il-ħaddiem dak iż-żmien kien meqjus xejn aktar minn biċċa għodda. Tużaha x’ħin u kif trid u meta ma tkunx bżonnha twarrabha fil-ġenb għal meta jinqala’ l-bżonn. Il-ġimgħa tax-xogħol kienet waħda ta’ sitt ijiem, mit-Tnejn sas-Sibt, minn tlugħ sa nżul ix-xemx. Dan kollu  għal paga miżera u sadattant mingħajr ebda sens ta’ sigurtà għal waqt il-mard u saħansitra kontra korrimenti fuq il-post tax-xogħol. Mingħajr ebda sigurtà ta’ għixien diċenti meta l-ħaddiem jieqaf mix-xogħol. Il-kelma PENSJONI ma kinetx teżisti. Bħalma ma kienx jeżisti l-ħsieb li xi darba mara li taħdem jkollha l-istess kundizzjonijiet u pagi tal-irġiel.

    Il-ħolma tal-Partit Laburista dak iż-żmien kienet li dawn l-affarijiet ma jibqgħux għaddejjin. Ma kinetx triq faċli. Anzi, kienet triq kontinwament għat-telgħa, triq kontinwament kontra l-kurrent. Imma llum, disgħin sena wara, għax kien hemm id-determinazzjoni, għax kien hemm ir-rieda li dik il-ħolma ssir realtà, dak il-ħolm twettaq.

    Ma jfissirx imma li b’dawk il-kisbiet għandna nieqfu noħolmu milli nimxu aktar ‘il quddiem. Għax minkejja daqstant progress xorta għadna niltaqgħu ma’ min jinqabad lura. U ma rridu lil ħadd jaqa’ lura u għal dan il-għan ninsabu determinati li nibqgħu naħdmu. Il-ħolma tagħna llum hija li naqtgħu l-faqar kollu mill-pajjiż. Nistgħu noħolmu b’dan il-mod għax nistgħu nibnu fuq il-pedament sod ta’ soċjetà ġusta li ħejjewlna ta’ qabilna.

    Il-proġett tat-twettiq ta’ din il-ħolma bdejnih flimkien ma’ Joseph Muscat u nkompluh flimkien. Se nkomplu għaddejjin bil-ħidma għalenija tagħna għax irridu lil kull wieħed u waħda f’Malta, jiġi mnejn  jiġi, hi x’inhi l-qagħda soċjali tiegħu, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali, hu x’inhu x-xogħol li jagħmel, ikun ħieles mill-biża’ u mill-umiljazzjoni tal-qgħad.

    Huwa b’dan f’moħħna li nkomplu niggarantixxu t-tkabbir ekonomiku, l-istabilità fil-prezzijiet, l-investiment ġdid u l-iżvilupp ta’ setturi innovattivi u ġodda. Nagħmlu dan kollu b’kordinazzjoni mas-settur privat. Meta nagħmlu dan inkunu qegħdin fit-triq it-tajba li twassal biex kull familja, kull pensjonant, kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom il-mezzi biex jgħixu ħajja diċenti, biex jitgħalmu,  biex jiddevertu u biex dak li jkun jilħaq il-miri li jkollu.

    Dan kollu jkun possibbli jekk nibqgħu bl-impenn favur s-serenità politika, għax permezz t’hekk tkattar l-investiment li min-naħa tiegħu jfisser aktar xogħol u allura aktar ġid. Irridu li kulħadd igawdi l-isbaħ żmien ta’ ħajtu bl-isbaħ mod possibbli. Irridu li wliedna u wlied uliedna jgawdu aktar minna l-prosperità u l-istabilità li ħloqna. Irridu li ħadd ma jibqa’ lura. Ħadd ma jgħix fil-faqar. Irridu li kulħadd ikun sinjur.

    Din hi l-ħolma tagħna llum, ħolma ta’ kontinwità b’moħħ mistrieħ. Id-determinazzjoni tagħna hija li din il-ħolma inwettquha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0