MEPs

  • Mej 18, 2019 11:09
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Ir-rwol tal-MEPs hi simili ħafna tal-Membri Parlamentari speċjalment fejn jidħlu l-funzjonijietbasiċi.  Dawn il-funzjonijiet bażikament huma tnejn.  L-ewwel li jkun rappreżentant tal-pajjiż minn fejn ikun elett u t-tieni li jagħti direzzjoni lill-votanti u anki l-istituzzjonijiet.

    L-ewwel  u l-aktar funzjoni importanti hi li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-pajjiż minfejn ġej.  Din il-funzjoni hi importanti għaliex il-Parlament għalhekk hu mwaqqaf.  Parlament hu istituzzjoni fejn ix-xewqat, id-diffikultajiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies ikunu riflessi fid-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin.  Biex id-Direttivi li joħorġu mill-Parlament Ewropew ikunu ta’ ġid għaċ-ċittadini Ewropej, l-MEPs jridu jagħtu riflessjoni tal-opinjoni taċ-ċittadini tal-pajjiż.

    Din tista’ toħloq diffikulta’ għaliex l-MEPs bħall-Membri Parlamentari, ħafna drabi, ikunu assoċjati ma’ xi partit politiku sew f’pajjiżhom u sew fuq livell Ewropew.  Id-diffikulta’ hi jekk ikun hemm interessi differenti.  Eżempju ċar ħafna li ilu għaddej u li żgur ser ikollu importanza kbria fil-ħames snin li ġejjin fl-Ewropa hi s-sistema tat-tassazzjoni. 

    Fl-Ewropa hemm moviment fejn iridu jġibu t-tassazzjoni l-istess madwar l-Ewropa.  Bħalissa dan ma jistgħux jagħmluh għaliex il-gvernijiet tal-pajjiż għad għandhom il-poter tal-veto f’dan il-qasam.  Hemm moviment biex dan il-poter jispiċċa u b’hekk il-maġġoranza tal-pajjiżi jkunu jistgħu jimponu fuq il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.  F’dan l-aspett, l-akbar żewġ movimenti kbar fl-Ewropa , dak tal-Partiti Popolari u tas-Soċjalisti jaqblu li dan il-veto għandu jispiċċa. 

    Meta jiġu għall-voti, il-MEPs iridu jaraw x’impatt ser iħalli fuq pajjiżhom dak li jkunu qed jivvutaw għalih.  Jekk inkomplu fuq l-eżempju tat-tassazzjoni, dan jista’ jkollu impatt negattiv qawwi fuq Malta.  Dan għaliex Malta hija gżira li m’għandhiex riżorsi ħlief il-ħaddiema.  Din hi xi ħaġa li l-gvernijiet Maltin mill-ħamsinijiet ippruvaw jieħdu ħsiebha.  Kien għalhekk li f’Malta il-gvernijiet, ħlief wieħed, qagħad attent li jara li t-tassazzjoni f’Malta hi l-iċken possibli.  Hu permezz t’hekk li Malta nistgħu nattiraw industriji barranin li jkunu jistgħu mhux biss jiggarantixxu xogħol għall-Maltin, iżda li joħolqu ġid u prosperita’ lill-poplu Malti.  Din il-politika ilha mill-ħamsinijiet f’postha u dejjem, ħlief issa , kien hemm ftehim bejn iż-żewġ partiti kbar li nżommu din il-politika. 

    Jekk l-Ewropej jirnexxielhom li jġibu t-tassazzjoni l-istess fl-Ewropa, din tkun daqqa ta’ ħarta kbira għall-ekonomija ta’ Malta.  L-aspirazzjonijiet li għandu l-poplu Malti kollha jtiru mar-riħ u l-unika aspirazzjoni li jibqa’ hi fejn iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jemigraw.  Nerġgħu niġu fis-sitwazzjonijiet tas-sittinijiiet fejn l-aħjar u l-aktar nies b’edukazzjoni għolja nitilfuhom! 

    Addio s-settur finanzjarju u s-setturi l-oħra ġodda li rnexxielna nattiraw dawn l-aħħar snin.  Dawn kollha jdabbru rashom għaliex ma jkun hemm kważi xejn li jattirawhom lejn Malta.  Dan għaliex mbagħad huma d-diffikultajiet li jibdew jispikkaw.  Ma ninsewx li aħna gżira u dan hu fattur li jirrestrinġi l-moviment tan-nies.  Dan barra l-impatt li jkun hemm fuq l-għoli tal-ħajja.  Jekk ikun hemm tassazzjoni uniformi fl-UE, Malta ssir bħal Pantalleria u Lampedusa – gżira mingħajr futur.

    Id-dmir ta’ MEP hu li jara li l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini jintlaħqu u li nibnu Ewropa li tkun attraenti għaċ-ċittadini tagħha.  Il-movimenti politiċi Ewropej għandhom posthom, iżda hu dmir tal-MEPs tagħna li dawn l-ewwel u qabel kollhox jassiguraw il-ġid ta’ pajjiżhom.  L-interess politiku jiġi wara u mhux qabel l-interess taċ-ċittadini u tal-pajjiż. 

    L-MEP irid jara l-Ewropa fejn hi miexja.  Irid jara jekk id-direzzjoni li qed tieħu l-UE hiex dik li jridu ċ-ċittadini Ewropej.  Iċ-ċittadini Maltin iridu li jkollhom ħajja tajba fejn il-Maltin kollha jkollhom futur f’Malta.  Dawn huma l-affarijiet li nistennew mill-MEPs tagħna. 

    Hemm ħafna oqsma li jolqtu l-ħajja tan-nies li l-MEPs tagħna jidħlu.  Eżempji fejn rajna MEPs Maltin imexxu affarijiet li jtejbu l-ħajja tan-nies kellna.  Żgur li kulħadd jiftakar bic-charges li kellna ma’ wiċċna meta konna nkunu barra minn Malta u rridu nċemplu Malta.  L-ispejjeż kienu esaġerati.  Kienu MEPs Maltin u anki l-Gvern tul il-Presidenza tal-UE , li llum irranġaw din is-sitwazzjoni. 

    Hemm eżempji oħra fejn MEPs ħadmu u qed jaħdmu biex l-ambjent jitjieb.  L-ambjent ma jitjiebx waħdu jew bil-paroli iżda billi jkun hemm tibdil.  Rajna MEPs Maltin jaħdmu f’dan il-qasam u fejn qed jaħdmu biex jassiguraw li l-karozzi tagħna ma jkomplux jagħmlu ħsara lis-saħħa tan-nies.

    Hemm ħafna oqsma fejn l-MEPs tagħna jistgħu jaħdmu biex itejbu l-ħajja tagħna ċ-ċittadini.   Fost dawn hemm l-ikel, l-enerġija u s-saħħa tan-nies.  Settur fejn hemm ħafna lmenti hu dwar il-prodotti speċjalment dawk Ewropej fejn in-nies qed isibu li dawn ma jservuhomx aktar minn xi 4 snin.  Hemm indikazzjonijiet li dan isir bil-ħsieb li l-konsumaturi jkollhom jixtru prodotti l-ħin kollu – li la hu ta’ ġid għall-konsumaturi u lanqas għall-ambjent.

    Sfortunatament dan ma jgħoddx għall-MEPs Maltin kollha għax hemm min jara l-Parlament Ewropej bħala palk fejn MEP jagħmel ix-shows u post fejn imexxu l-interessi tagħhom anki jekk dawn ikunu ħsara lejn pajjiżhom.  Il-Parlament Ewropew hu post fejn iressaq l-opinjoni tan-nies fuq dak li jkun qed jiġi diskuss.  Fil-fatt, dan hu l-akbar nuqqas tal-MEPs li ħafna drabi jħossu li kull ma għandhom jaraw biex jieħdu direzzjoni hu l-partit ewropew li l-partit tagħhom ikun imsieħeb miegħu.  Ftit li xejn li jsiru konsultazzjonijiet man-nies. 

    Forsi hemm min jgħid li dan mhux importanti.  Hu importanti għaliex huma dawn l-affarijiet li jiffurmaw bażi fuq x’hiex irridu nagħtu direzzjoni lill-Ewropa – direzzjoni skont ix-xewqat taċ-ċittadini. 

    Sfortunatament hemm ħafna MEPs li minħabba li m’għandhomx ideat, jużaw il-Parlament Ewropew biex jatakkaw pajjiż jew ieħor.  Dan jagħmluh għaliex ikunu nies bla ideat u biex jgħattu dan id-difett jippruvaw idawru dan l-iżvantaġġ u jieħdu vantaġġ għall-partit tagħhom.  L-agħar hu meta dawn jattakkaw pajjiżhom stess, għalkemm dan ġara biss f’Malta. 

    Il-MEPs Maltin li attakkaw lil Malta kienu l-unika MEPs fil-Parlament Ewropew li fetħu attakk fuq pajjiżhom stess.  Li mhux qed jifhmu hu li l-ħsara li ssir lil Malta qed issir lill-Maltin kollha speċjalment dawk li għandhom edukazzjoni universitarja.  Barra minhekk, din il-ħsara mhux biss hi ħsara ta’ mument, iżda l-ħsara qed ikollha effett fit-tul – li jfisser li mhux dan il-Gvern biss ser ibati iżda anki dawk li jridu jiġu fil-futur, ikunu min ikunu.

    Dan barra l-ħsara li qed issir lill-UE stess li għal ħafna Maltin illum qed tidher li hi agħar minn stat imperjalista.  Bħal ma ġieli ktibt – Malta qatt ma ġiet attakkata daqshekk fil-baxx lanqas meta kienet kolonja!

    Dan għad irid jintikeb fl-istorja ta’ Malta. 

    Dan kollu rridu nżommuh f’moħħna meta mmoru nivvutaw għall-MEPs li suppost jirrappreżentaw lil Malta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook