Late night shopping

  • Lul 06, 2019 18:24
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Dan l-aħħar kien hemm suġġeriment mis-sindku l-ġdid tal-Belt li l-ħwienet għandhom idumu aktar miftuħin wara s-sebgħa ta’ filgħaxija ġurnata darba fil-ġimgħa. Naqbel ma’ dan is-suġġeriment għal diversi raġunijiet.

    Tajjeb li nsemmi li il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet dejjem kienet kontroversja f’Malta.  Niftakar meta kien hemm il-ħwienet ta’ Bay Steet li kienu għamlu suġġeriment biex il-ħwienet ikunu jistgħu jiftħu l-Ħadd.  Kien qam rebus għaliex kien hemm ħafna minn tal-ħwient li ma riedux li tinbidel il-liġi.   Niftakar li anki l-GRTU ħarġu kontra u f’daqqa waħda bdejna nsemmu r-reliġjon u d-drittijiet tal-ħaddiem u elf ħaġa oħra.  Kienet l-Għaqda tal-Konsumaturi li kienet ħarġet favur minħabba li s-soċjeta’ kienet qed tinbidel peress li kien qed ikollok sew ir-raġel u sew il-mara jaħdmu.  Għalhekk il-ħin tax-xiri, għal ħafna familji kien qed jiġi ristrett jew għall-weekend jew għal siegħa u nofs kuljum.

    L-ewwel raġuni u l-aktar importanti hi li dan ikun ta’ ġid sew għall-konsumaturi u sew għall-ħwienet.  Jekk nieħdu l-konsumaturi, bħal ma semmejt, il-ħin biex jagħmlu x-xirja tagħhom kien qed jiġi ristrett ħafna.  Fil-fatt in-nies kienu qed isibu diffikulta’ kbira.  Jekk tieħu l-ħwienet dawn kienu qed jiffaċċjaw il-problema li matul il-ġurnata x-xogħol ikun batut iżda mbagħad fl-aħħar siegħa u l-weekend ikunu maqtulin bix-xogħol.  Kien minħabba f’hekk li l-politika tal-Għaqda kienet li kull ħanut kellu jkollu d-dritt li jiftaħ u jagħlaq fi x’ħin irid.  Dan minħabba li n-negozju tal-ħwienet ivarja u li int trid tħalli lil tal-ħanut jirranġa l-ħiniijet skont in-negozju.  S’intendi dan m’għandux jgħodd għal kollox għax għandek ċertu ħwienet, bħal spiżeriji, li hu importanti li jkun hemm ċerta ħinijiet li bilfors irid ikunu miftuħa minħabba n-natura tal-prodotti li jbigħu.  

    Fil-fatt, nemmen li l-liġi għandha tikkontrolla biss l-anqas sigħat li ħanut għandu jkun miftuħ.  

    Infurzar tal-liġijiet

    Dan l-aħħar minħabba l-problemi li żviluppaw fil-qasam tal-bini, suġġett li reġa’ ħareġ hu l-infurzar tal-liġijiet jew aħjar in-nuqqas tal-infurzar.  Ir-raġuni hi li għalxejn ikollok il-liġijiet jekk imbagħad dawn ma jitħaddmux.  

    Biss dan l-aħħar kien hemm każ ta’ lukanda ta’ 4 stilel li ġiet imġiegħla li tagħlaq minħabba n-nuqqasijiet serji li kellha.  Għalija dan kien breakthrough.  Ir-raġuni hi li l-maġġoranza tal-Awtoritajiet, isibuha diffiċli li jieħdu passi meta jkun hemm nuqqasijiet.  L-iskuża li jġibu hi li l-aħjar mod hu li tibdel l-affarijiet bl-edukazzjoni.  

    Jien nemmen fl-edukazzjoni.  Biss dan hu proċess twil li jieħu snin sħaħ u li m’għandek l-ebda garanzija li l-affarijiet ser jirranġaw ruħhom.  L-edukazzjoni għandha s-sehem tagħha u bl-ebda mod ma nistgħu nwarbuha fil-ġenb.  Imma jekk jien niġbed l-attenzjoni minħabba xi nuqqas għal darba darbtejn tlieta u l-affarijiet ma jirranġawx ruħhom, l-unika soluzzjoni hi li jittieħdu passi.  

    Dan speċjalment meta dawn in-nuqqasijiet iġibu tbatija jew ikunu ta’ ħsara għal ħadieħor.  Irridu niftakru li l-liġijiet suppost huma maħsuba biex ikun hemm bilanċ bejn l-interessi diversi li jkun hemm.  Ħafna drabi l-liġijiet isiru meta ma jkunx hemm dan il-bilanċ u fejn ikun hemm li dawk li għandhom is-saħħa tal-flus, jibdew jiddominaw u jagħmlu li jridu.  Hu minħabba dan li jekk il-liġijiet ma jkunux infurzati, inkunu qed nidħku bin-nies.  Hu minħabba dan li ħloqna wkoll l-Awtoritajiet.  L-ewwel għan tagħhom suppost hu li jtellgħu l-istandards fis-settur partikolari u t-tieni hu li jaraw li l-interessi tal-konsumaturi jiġu mħarsa mingħajr ma noħonqu lis-settur biex dan ikompli jikber.  

    Biss illum ħafna mill-Awtoritajiet bosta drabi jagħtu kas biss li jaraw li s-settur jikber.  Hu minħabba dan li qed nerġgħu naraw ċerti abbużi li dawn l-awtoritajiet ma jagħtux kashom.  Tajjeb li nsemmi tnejn minnhom li qed jolqtu lill-konsumaturi.  

    Jekk nieħdu s-settur tat-telekommunikazzjoni naraw li dawn il-kumpaniji li joffru s-servizz tat-telefon, televixin u internet, illum qed jimponu ‘charge’ meta konsumatur iħallas bil-flus kontanti.  Qieshom il-flus kontanti mhux flus legali.  Għalija dan hu abbuż li l-aktar li qed jagħfas hu fuq dawk il-konsumaturi l-aktar vulnerabbli għaliex m’għandhomx ċertu ħiliet.  Dan barra l-fatt li ċittadin għandu dritt li jħallas bil-flus kontanti għaliex dawn huma l-flus legali.  It-transazzjonijiet l-oħra huma verżjonijiet ta’ dan.  

    Illum ukoll qed ikollna lmenti li għandek ċerta ħwienet li mhux qed jinkludu l-VAT fil-prezz li jara l-konsumatur.  Dan imur kontra l-liġi, iżda kulħadd idawwar wiċċu n-naħa l-oħra u nippruvaw niġġustifikawhom.  Għalija dawn iż-żewġ każi mhux biss qed jiksru l-liġijiet finanzjarji, iżda wkoll tal-konsumaturi għaliex qed jaħbu l-prezz vera tal-oġġett jew tas-servizz.  

    Hu minħabba dan li d-deċiżjoni li lukanda titneħħielha l-liċenzja, minħabba li wara sforzi l-affarijiet ma tranġawx, kienet nifs ta’ arja friska li tagħtina tama li l-affarijiet qed jiċċaqilqu.  L-istess fis-settur tal-kostruzzjoni, it-tibdil li qed isir biex inħarsu l-interessi tan-nies jagħtina tama.  Nisperaw li l-awtoritajiet li ser ikunu responsabbli jieħdu l-affarijiet bis-serjeta’ u ma jinsewx l-interess tal-konsumaturi.  

     

      

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook