Kampanja tal-Lemin ? dejjem negattiva

  • Lul 20, 2019 08:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Jekk tħares sew lejn xi kampanji elettorali, ħaġa komuni hi li l-kampanja tal-partit tal-Lemin kważi dejjem tkun negattiva.  Dan mhux f’Malta biss isir iżda madwar id-dinja.  Il-mistoqsija toħroġ waħedha – Għaliex?

    Ir-raġuni bażika hi li l-Partiti tal-Lemin huma partiti politiċi konservattivi.  Dawn jemmnu li s-sistemi li għandha – sew politiċi, soċjali u ekonomiċi - huma tajbin u għandhom jibqgħu bla mittiefsa. Il-filosfu Micael Oakeshott jgħid hekk:  ‘To be conservative is to prefer the familiar to the unknown, to prefer the tried to the untried, fact to mystery, the actual to the possible, the limited to the unbounded, the near to the distant’.  

    In-nies, illum, minħabba l-iżviluppi li saru fit-telekommunikazzjoni, iridu ma jridux, jafu u jifhmu dak li qed jiġri madwarhom.   Għal dawn l-affarijiet iridu soluzzjonijiet.  Iżda, llum in-nies jridu aktar.  Iridu affarijiet ġodda, iridu l-bidla u mhux l-affarijiet li diġa’ għandna, iridu jiskopru u jridu jkunu jafu dak kollu li hu possibli minkejja li għadna ma wasalniex għalih, iridu l-ftuħ u l-liberta’ u ma jridux li jibqgħu jgħixu ġo kaxxa, iridu l-futur issa.  Dan ifakkarni fid-diska tal-Queen ‘I want it all, I want it now’.  Minkejja dan il-partiti tal-Lemin xorta jippersistu fil-filosofija tagħhom li jridu dak li għandna u mhux affarijiet ġodda

    Ir-raġuni għal dan hi li huma iqisu li s-sistemi tal-imgħoddi huma tajba.  Ir-raġuni hi li s-sistemi antiki għandhom it-tendenzi li dejjem ipoġġu nies konservattivi fil-poter u għalhekk is-sistema tiġġedded waħedha u dejjem ittella’ l-istess tip ta’ nies – lilhom.

    Ħaġa li tiddistingwihom hi l-kilba għall-poter li għandhom.  Din ġejja minħabba r-relazzjoni fil-qrib li dawn in-nies dejjem kellhom mar-reliġjon li tkun dominanti fil-pajjiż. Fattur importanti hu li hemm bażi komuni – li tnejn iridu li ma jkunx hemm taqlib fil-pajjiż għax dan jista’ joħloq problemi ġodda għalihom.  Problemi li ħafna drabi ma jkollhomx ħjiel kif ser isolvuhom.  Dan rajnih fl-aħħar kampanja li kellna.  Tqajmu problemi bħal ma huma tat-traffiku, il-cancer u l-prezzijiet tal-kirjiet.  Kull ma ntqal kien li għandna dawn il-problemi imma soluzzjonijiet ma ngħatawx.  In-nies mhux il-problemi jridu jkunu jafu, għax dawn iħabbtu wiċċhom magħhom kuljum. In-nies soluzzjonijiet iridu. 

    Karatteristika ta’ dawn il-partiti hi li, meta jkunu fil-gvern, biex ma jċaqilqux is-sistema, jitfgħu l-problemi taħt it-tapit.  Ikun meta dawn il-problemi jintensifikaw u jsiru kriżi li jkollhom iħarsu lejhom u jippruvaw isibu soluzzjoni li ttaffi biss il-problema biex ma toħloqx żbilanċ fis-sistema preżenti li tista’ tpoġġi lil nies oħra fil-poter minflokhom.  

    Din ir-relazzjoni bejn il-partiti konservattivi u r-reliġjon dominanti hi waħda ta’ ħokkli dahri u jien inħokk tiegħek.  Ir-reliġjonijiet min-naħa jagħtu s-support tagħhom lill-partiti konservattivi biex jitilgħu fil-poter u l-partit konservattiv jara li ma jkunx hemm ċaqliq kbir fis-sistemi biex ir-reliġjon dominanti tibqa’ sew dominanti fuq dak li jemmnu n-nies u sew fil-ħajja soċjali.  Biex ngħidu kollox ma jfissirx li n-nies li jmexxu il-partiti konservattivi huma xi nies iddedikati għar-reliġjon għax ibażwru aktar minn ħaddieħor.  

    Biex nieħdu eżempju nistgħu niftakru xi madwar ħamsin sena ilu f’Malta.  Nies importanti li kienu poġġuti kellna.  Iżda peress li kienu konservattivi qatt ma ġabu kundanna mir-reliġjon dominanti.  Kienu jitpoġġew quddiem nett meta kien ikollok xi ċerimonja reliġjuża.  Hawn kulħadd kien jagħlaq għajnejh.  

    Imma mbagħad meta niġu biex inbiddlu l-liġijiet, biex nagħtu l-istess drittijiet lill-oħrajn, neħlu.  Dan rajnih Malta fejn l-alleanza tal-partit konservattiv u l-Knisja kienu għamlu fuq iż-żwieġ ċivili u anki d-divorzju.  

    Din il-ħbiberija intima ġabet effett ieħor.  Peress li dawn in-nies qatt ma jsibu kundanna reliġjuża, dawn jemmnu li l-alla tar-reliġjon tagħhom iridhom fil-poter.  Dan il-fattur, magħqud mal-poter li diġa’ għandhom, ġeneralment jagħmel dawn il-partiti arroganti għax jemmnu li huma biss huma kapaċi li jmexxu l-pajjiż.  

    Hu għalhekk li meta jkun hemm xi taqlib u l-poter jgħaddi għand ħaddieħor u dawn il-ġodda jirnexxielhom joħloq il-ġid, ikun hemm paniku. Dan għaliex il-ġdid iġib aktar ġid.  Meta dawn ikunu ukoll kapaċi li jsolvu l-problemi, tidħol l-għira.  Dan għaliex meta jaraw lil ħaddieħor jagħmel suċċess jittendu bin-nuqqas tal-ħila tagħhom.  Din hi xi ħaġa li tal-Lemin ma jistgħux għaliha għaliex jittendu kemm il-bażi tat-twemmin tagħhom, li huma ġew maħluqa biex imexxu għax huma biss għandhom il-ħila, hi waħda falza.  

    L-għira ġġib ħafna problemi.  Din taqleb id-dinja ta’ taħt fuq għaliex il-kampanja ssir kollha tgħajjir.  Fejn ma jasalx dan, noħolqu stejjer kontra il-partit l-ieħor speċjalment dak jew dawk li jkunu qed jagħmlu suċċess.  Biex inġib eżempju rajna l-gideb li nħolqu fl-aħħar tal-kampanja kontra Hillary Clinton.

    Biss l-għira ġġib il-mibegħda u l-mibegħda ġġiegħel lil dak li jkun li jasal għal kollox basta jkisser lil dak li jkun qed jagħmel suċċess għaliex aktar ma jkun hemm suċċess aktar joħroġ il-falliment tal-partit tal-Lemin.    

    Il-mibegħda m’għandhiex limitu għaliex din tgħatti l-falliment ta’ dak li jkun.  Wieħed mill-effetti tal-mibegħda hu li din tibdel il-karatteristika ta’ dak li jkun u jibda juża l-mibegħda biex jasal fejn irid anki ma’ sħabu.  Ir-raġuni hi li l-mibegħda m’għandhiex limitu għaliex iddaħħlek f’negattivita’ estrema li kull ħaġa ta’ suċċess, ġejja minfejn ġejja, tkun theddida.  

    L-agħar hu meta din tkun marbuta ma’ superjorita’.  Aktar mal-persuna temmen li hi ‘judge and jury’ aktar il-mibegħda tagħtiha enerġija biex tiġġieled kull ħaġa pożittiva anki jekk din tkun ta’ ġid għaliha nfisha.  Litteralment tiġi f’sitwazzjoni fejn tkun lest li taqta’ imnieħrek biex tinki l-mara!

    Dawn in-nies, kull min ma jaqbilx magħhom, jarawh għadu u jkunu lesti li jagħmlu kruċjati kontra tagħhom minkejja li ma jkun hemm l-ebda bażi.  Din l-attitudni tal-Lemin rajniha u qed narawha sew barra minn Malta u anki f’Malta.

    Partiti konservattivi dejjem issibhom jitkellmu fuq id-demokrazija, iżda mbagħad issib li dawn fir-realta’ ma’ jemmnux fiha.  Dan joħroġ ċar meta xi riżultat ta’ xi elezzjoni, anki dawk bejnithom, ma jkunx favorevoli għalihom.  Dawn, dak ir-riżultat, ma jaċċettawhx u jekk dan ir-riżultat ifisser li huma ġew imwarrba, jirrikorru għal konfoffi.  Fil-fatt, karatteristika ta’ dawn il-partiti hi li f’dawn il-partiti dejjem hemm grupp ta’ nies li għandhom f’idejhom il-poter, li mill-kwiet ta’ darhom iġebbdu l-ħbula, biex il-partit jagħmel dak li jridu huma u mhux dak li ġew eletti fil-partit tagħhom stess.  

    Hu minħabba dawn il-fatturi li tidħol fihom arroganza li meta l-poter tagħhom jiġi iċċalenġjat minn ħaddieħor, iħossuhom mhedda.  Iżda l-fatt li huma marbutin mal-passat, mhux kapaċi li joffru futur ġdid.  U hu għalhekk li l-unika triq li jkun fadlilhom hi li jkunu negattivi.  

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook