‘Human, Like You!’

  • Aww 07, 2019 08:04
  • Miktub minn Chris Fearne

     

    Riċentement il-kollega fil-Kabinett Julia Farrugia Portelli, Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni Amministrattiva, nediet kampanja nazzjonali dwar it-traffikar uman, kampanja li ssemmiet ‘Human, Like You!’

    X’aktarx li meta nisimgħu jew naqraw it-terminu ‘traffikar uman’ nassoċjawh mal-prostituzzjoni, li huwa minnu, imma mhux biss. Seħħew u għadhom iseħħu każijiet ta’ traffikar uman anke fejn jikkonċerna xogħol u saħansitra traffikar ta’ tfal li jispiċċaw jinqatlu biex jitteħdulhom organi u jinbiegħu. Affarijiet li ssemmihom biss ukoll iwaħxuk! Statistika uffiċjali dinjija turi li t-traffikar uman madwar id-dinja jinvolvi aktar minn erbgħin miljun ruħ. Fil-maġġoranza assoluta tiegħu t-traffikar uman huwa riżultat ta’ kriminalità organizzata li tirrendi flejjes enormi.

    Fortunatament għalina bħala poplu traffikar ta’ tfal għal teħid ta’ organi huma affarijiet li għall-grazzja t’Alla naqraw biss dwarhom. Traffikar bħal dan ifisser l-ewwelnett serq ta’ tfal u huwa għalhekk li dawn l-affarijiet l-aktar li jiġru huma f’pajjiżi fejn il-faqar huwa kbir u fejn it-tfal jiddaħħlu fid-dinja tax-xogħol minn età bikrija. Fejn l-edukazzjoni tal-istess tfal ma teżistix. Affarijiet barbari li ma jagħmlu ebda ġieħ lill-umanità. 

    Iżda ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa fejn jirrigwarda traffikar ta’ nisa għall-prostituzzjoni. Quddiem il-Qrati tagħna kellna każijiet ta’ din ix-xorta. Traffikar uman għal għanijiet bħal dawn isir taħt diversi forom, fosthom li titwiegħed impjieg u finalment tispiċċa fil-prostituzzjoni.  Jista’ jkun wkoll li t-traffikar uman jkun moħbi wara t-terminu ‘sfruttament’, terminu komdu għat-traffikant. Li bniedem tattirah lejn pajjiż ieħor fejn il-livell ta’ għixien huwa ogħla minn dak ta’ pajjiżu u tħaddmu b’kundizzjonijiet superjuri għal dawk ta’ pajjiżu imma inferjuri meta paragunati ma’ dawk ta’ ħaddiema oħra għall-istess xogħol fl-istess pajjiż, huwa wkoll traffikar uman. Stejjer ta’ din il-kwalità smajnihom ukoll f’pajjiżna u huma repetizzjoni ta’ x’jiġri f’pajjiżi oħrajn. Imma aħna primarjament nirreferu għal eventwalità bħal din bħala sfruttament. Fenomenu li joħloq faxex ta’ soċjetajiet differenti fl-istess pajjiż, anke jekk hu pajjiż żgħir bħal tagħna.

    It-traffikar uman huwa realtà li qed jolqot lil kull pajjiż, għalkemm mhux bl-istess aggressività imma li eventwalment trid tkun preparat għalih għax bħal kull ħaġa oħra l-prevenzjoni hija aħjar mill-kura.

    Huwa għalhekk li kien pass ferm għaqli min-naħa tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli li timbarka fuq kampanja nazzjonali li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza u eventwalment teduka lin-nies dwar din l-attwalità. Kif ħabbret is-Segretarju Parlamentari, aktar ‘il quddiem se tinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika White Paper dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni, x’aktarx l-aktar settur illeċtu fejn jirrigwarda traffikar uman. Imma qabel il-ħruġ tal-White Paper se ssir kampanja edukattiva primarjament dwar x’wieħed għandu jifhem bit-terminu ‘traffikar uman’, u kif, fost affarijiet oħra, wieħed jista’ jintebaħ li jkun għaddej dan l-abbuż.

    Huwa dmir kull wieħed u waħda minna li nagħtu sehemna biex fenomenu bħal dan inżommuh kemm jista’ jkun bogħod minn xtutna.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook