IMPJIEGI MFITTXIJA?

  • Aww 15, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fabriki, lukandi, ristoranti, karozzi tal-linja, sptarijiet... ma’ kullimkien issib ħaddiema barranin.

    Tqum il-mistoqsija: Fejn qed jaħdmu l-Maltin? Għax wara kollox, il-qgħad hu fl-anqas livell li jista’ jkun.

    Ħabib tiegħi qalli: Il-Maltin ma jixtiqux jaħdmu f’fabriki u f’lukandi, anke għal pagi tajba. Ma jridux is-sikkatura jew li jkollhom jaħdmu s-Sibt jew il-Ħadd.

    Skont hu, fost Maltin li qed ifittxu x-xogħol, il-preferenza taqa’ l-aktar fuq il-qasam tas-sigurtà. Jidher li hu mitqies bħala xogħol faċli li bla wisq taħbit, iħallik tgħix ħajtek.

    Għad ma kellix l-opportunità nivverfiika kemm hemm verità f’din l-ispjega pjuttost ċinika. Biss niftakar kif mhux daqstant ilu fis-snin, tassew, kien hemm ċerta preferenza fost ħafna għax-xogħol ta’ “watchman”.

    SPAZJU FISKALI

    Fiż-żona tal-ewro, dilemmi li ilhom hemm, baqgħu hemm. Ma jidhirx li tista’ tinstab soluzzjoni ta’ malajr.

    Bħalissa, l-inkwiet hu li t-tkabbir ekonomiku fiż-żona se jmajna bil-kbir. Hemm bżonn li b’mod jew ieħor, il-poteri li jirregolaw l-ekonomija min-naħa tal-istat, iberrqu ċ-ċintorin.

    Hekk ilu jagħmel il-Bank Ċentrali Ewropew bil-mezzi li għandu. Tant naqqas l-imgħaxijiet fuq fondi msellfa, li llum, min jiddepożita flus fil-bank, għandu jistenna li se jitlef fil-valur tad-depożiti magħmula. Diffiċli taċċetta dil-ħaġa. Biss, l-alternattivi huma agħar.

    Madankollu, hemm mod ieħor kif tillaxxka ċ-ċintorin. Il-gvern jista’ jonfoq aktar, anke jekk jispiċċa minn taħt fil-baġit tiegħu. Bil-flus li jonfoq, jagħti n-nifs lill-ekonomija. Il-gvern ikun qed juża dak li jissejjaħ “l-ispazju fiskali” tiegħu biex jilħaq għanijiet ekonomiċi.

    Ir-regoli taż-żona tal-ewro jpoġġu rażan enormi fuq kif u kemm gvernijiet membri jistgħu jużaw kwalunkwe spazju fiskali li jkollhom quddiemhom. Għalhekk, il-gvernijiet mhumiex jilagħbu dil-logħba. Sadattant, fl-istrateġija tiegħu biex jagħti ħajja lill-ekonomija tal-ewro, il-Bank Ċentrali Ewropew ftit baqagħlu għodod effettivi x’jista’ juża.

    SANTA MARIJA

    Ġurnata ta’ Santa Marija oħra: numru sabiħ ta’ festi f’irħula differenti: nofs is-sajf, li suppost hu l-istaġun tal-allegrija – għalkemm l-istaġuni kollha jidhru li ddakkru mid-divertiment... Dawn huma fost l-osservazzjonijiet tas-soltu li jsiru.

    Li jibqa’ jiskantani fil-festi tal-lum hu kemm hawn min jirnexxilu jieħu gost meta jkun iġġammjat f’rassa taħt xemx taqli, fejn jiddominaw l-irwejjaħ ta’ għaraq, ta’ deodorant u ta’ alkoħol, l-aktar birra. Ilu ħafna, kont naħseb li żgħażagħ l-aktar li jinqalgħu għal attivitajiet bħal marċi ta’filgħodu (għalkemm anke dawk ta’ filgħaxija jafu jiżviluppaw fi sħana massakranti).

    Imma le. Dażgur, ħafna żgħażagħ ikunu hemm. Biss magħhom ukoll, jinġabru nies li jġorru fuqhom aktar snin, anke anzjani. Anzi, jidhirli li l-għadd ta’ dawk li mhumiex żgħażagħ baqa’ jiżdied mas-snin.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0