LIMBU... IMGĦAX NEGATTIV... LEJN FEJN?

  • Set 12, 2019 10:03
  • Miktub minn Alfred Sant

    LIMBU

    Il-familji li fl-aħħar xhur raw darhom taqa’ ħerba waqt li żviluppatur kien qed iwaqqa djar oħra maġenbhom spiċċaw fil-limbu. X’se jiġri minnhom?

    Il-gvern għamel kull ma seta’ billi pprovdielhom fejn jgħixu sakemm jiġi deċiż x’se jsir. L-inkjesti tal-qrati telqu u baqgħu mexjin. Meta se jispiċċaw? U x’se jiġri wara? Bir-raġun, il-gvern ma jistax jidħol hu biex isolvi “kollox”, għax b’hekk jista’ jiġri li l-iżviluppaturi jiskappaw mir-responsabbiltajiet tagħhom għal li ġara.

    Sadattant iż-żmien għaddej u ma tagħtix tort lill-familji li jħossuhom abbandunati. 

    Kif jistgħu inkjesti li jittrattaw każi bħal dawn jitħaffu bil-kbir?

    Kif jistgħu ir-responsabbiltajiet ta’ min joħloq sitwazzjonijiet hekk jiġu ċċarati bla titubar, u dan fl-aqwa interess tal-vittmi?

    Dawn m’għandhomx jibqgħu mistoqsijiet akkademiċi. Għandhom jingħataw risposta deċiżiva billi tiddaħħal proċedura li titwettaq minnufih. Ċertament, fost miżuri oħra, proġetti ta’ bini u żvilupp iridu jkunu garantiti b’polza ta’ assigurazzjoni li tagħti rikompens ta’ malajr lil min isofri xi dannu bħal dan li qed insemmu. Assolutament mhux sew li l-vittmi jitħallew fil-limbu.

    IMGĦAX NEGATTIV

    Fiż-żona tal-ewro, meta tpoġġi flusek f’bank jew ikollok titqanna b’imgħax deriżorju, jew ikollok anke taċċetta imgħax negattiv – jiġifieri tħallas minn ġewwa biex il-bank iżommlok flusek.  Donnu m’hemmx biżżejjed talba għal fondi li bihom wieħed jista’ jaħdem, jinvesti, jimpjega ħalli jagħmel imbagħad il-profitti.

    Biex titħajjar il-ħidma ekonomika, l-aqwa għodda tqieset dik li l-imgħaxijiet jitbaxxew, bit-tama li malli iva, il-ħidma ekonomika titlaq sew, allura l-imgħaxijiet fuq fondi mislufa, li jsiru aktar bżonnjużi, jerġgħu jogħlew.

    Ma ġarax hekk sa issa.

    LEJN FEJN?  

    Interessanti kif matul is-snin numru ta’ deputati Ewropej iħallu l-kariga tagħhom biex jieħdu rwol ieħor. L-aħħar wieħed kien id-deputat soċjalista Gualtieri li sar ministru tal-finanzi Taljan. 

    Fl-aħħar snin, fost oħrajn li għamlu bħalu kellna: is-soċjalista Pittella, biex mar jikkontesta l-elezzjoni Taljana; is-soċjalista Ferreira, li daħlet deputat gvernatur tal-Bank Ċentrali Portugiż (issa nominata Kummissarju Ewropew); Balz (tal-EPP) li wkoll mar direttur fil-Bank Ċentrali Ġermaniż; Goulard (Liberali) li marret ministru Franċiża tad-difiża, wara tpoġġiet fil-Bank Ċentrali ta’ pajjiżha, u issa nominata Kummissarju; is-soċjalist Kofod li sar ministru tal-affarijiet barranin Daniż; is-soċjalista Danċila li nħatret prim ministru tar-Rumanija; il-Legista Salvini li mar fil-Parlament ta’ pajjiżu; il-populista Le Pen li wkoll telqet għall-Parlament Franċiż...

    L-aktar li naf dwar dawn il-bidliet hu fejn jikkonċernaw lis-soċjalisti imma żgur li gruppi oħra jġarrbu ċaqliq simili. Li hu sinjifikattiv f’ħafna minnu hu li min jitlaq mill-kariga Ewropea jagħmel dan bi tpartit ma’ kariga nazzjonali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook