Id-Demokrazija u l-Awtoritajiet

  • Nov 16, 2019 08:06
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Ġieli ktibt dwar id-demokrazija.  Hi xi ħaġa li nemmen fiha u nħoss li hi importanti fil-ħajja tagħna.  Hi xi ħaġa kkomplikata ħafna.  L-ewwel problema hi li din hi xi ħaġa li għandha tifsira differenti ħafna għal nies differenti.  Ma jfissirx li hi totalment differenti minn persuna għall-oħra, iżda hi xi ħaġa li tieħu tifsira differenti skont l-emfasi li wieħed jagħti lil ċerti aspetti tagħha. 

    Nieħu eżempju:  qabel id-demokrazija kienet tagħti ħafna emfasi lill-aspett soċjali, illum hemm ħafna gruppi li jitfgħu l-emfasi fuq l-aspett individwali.  Prinċipju weħed tad-demokrazija hu li l-maġġoranza tiddeċiedi l-affarijiet.  Hu prinċipju importanti.  L-aspett l-ieħor hu li b’daqshekk ma jfissirx li min ma jaqbilx mal-maġġoranza m’għandux importanza jew inkella li l-maggoranza ma tagħtix kasu.  Irid ikun hemm bilanċ.  Qabel l-importanza kienet fuq il-maggoranza.  Illum hi fuq il-minoranza. 

    Qabel id-demokrazija kienet mezz fejn il-maggoranza tas-soċjeta’ kienet tista’ ttejjeb ħajjietha billi tieħu deċiżjonijiet li jagħtu każ il-bżonnijiet tagħhom.  Illum għal ħafna tfisser li l-individwu nħarsulu d-drittijiet tiegħu a skapitu tal-maġġoranza.  Din narawha f’ħafna deċiżjonijiet tal-Qrati madwar l-Ewropa kollha, inkluż Malta, fejn id-drittijiet tal-individwu jingħataw importanza aktar minn dawk tas-soċjeta’.  Fil-fatt, fil-maġġoranza tad-deċiżjonijiet, id-drittijiet tas-soċjeta’ lanqas biss jiġu kkunsidrati.

    Aspett ieħor tad-demokrazija hi l-parteċipazzjoni tan-nies.  Id-demokrazija fi żmienijiet aktar antiki kienet il-mezz fejn in-nies kienu qed jibdew jiġu aktar involuti qabel ma tittieħed deċiżjoni.  Illum il-partiċipazzjoni ta’ ‘stakeholders’ saret l-aktar ħaġa importanti, ħafna drabi a skapitu tal-effiċjenza.  Fil-fatt hemm ħafna nies li jemmnu li jekk int ma trid tagħmel xejn dwar xi ħaġa iżda ma tridx tidher li ma int qed tagħmel xejn, kull ma trid hu li tagħmel kumitat u fih iddaħħal kemm jista’ jkun nies ta’ opinjonijiet differenti.  Ħadd ma jista’ jikkritikak. Għaliex b’dan il-mezz qed tinkludi lil kulħadd  u tagħihom il-liberta’ kollha li jmexxu l-affarijiet. 

    Fil-fatt dan il-proċess jaħdem li kieku dan l-arranġament ikollu data sakemm kumitat bħal dan irid jipproduċi riżultat.  Biss naħseb li kieku meta twaqqfu, torbtu ma’ data sakemm irid jagħti riżultat, ħadd ma jieħu gost u żgur li xi ħadd jikkritikak u faċli li tiġi akkużat li dan ser ikun ‘rubber stamp’.

    Biss mhux l-ewwel darba li dawn l-affarijiet tant jieħdu żmien li l-ambjent jinbidel u wara żmien nittendu li ma sar xejn. 

    Eżempju ieħor hu dak li qed jiġri l-Ingilterra dwar Brexit.  Il-Parlament Ingliż fuq Brexit iddeċieda li jieħu sehem attiv fuq il-ftehim li kellu jintlaħaq ma’ l-EU.  Xi ħaġa tajba.  Biss aktar ma għadda żmien ħa rwol aktar attiva u beda jieħu rwol tal-gvern.  Personalment nemmen li kollox ma’ kollox, dan aktar tawwal u kkomplika il-proċess bir-riżultat li dawn l-aħħar xhur kien hemm ħafna affarijiet li baqgħu staġnati. 

    U hawn toħroġ il-mistoqsija – il-poċess tad-demokrazija għandu jkollu imporanza assoluta li ma jħallix li jkun hemm gvern effettiv?  Dan kien prinċipju li l-Ingliżi qatt ma kellhom problema fuqu.  Fil-fatt kien għalhekk li l-proċess tal-elezzjonijiet tagħhom ta’ first past the post, għalkemm ġieli poġġa partiti fil-gvern minkejja li kienu ġabu anqas voti minn 50%, xorta kien aċċettabbli għall-maġġoranza u minkejja li kien hemm sforzi, qatt ma nbidel.  Ir-raġuni kienet li għall-Ingliżi, li jkun hemm gvern effettiv kien importanti ħafna. 

    Personalment nemmen li proċessi tad-demokrazija huma importanti, biss biex dan ikun effettiv id-demokrazija trid titpoġġa f’kuntest  ta’ soċjeta’ speċjalment li din ikollha governanza effettiva u li d-drittijiet individwali jridu jiġu meqjusa fi ħdan id-drittijiet tas-soċjeta’. 

    Awtoritajiet

    Suġġett ieħor li ġieli ktibt dwaru hu dwar l-Awtoritajiet speċjalment ir-rwol tagħhom.  Xi ġimgħat ilu inqalgħet il-kwistjoni tal-permess fuq bini fin-Nadur, Għawdex.  Dan ta okkażjoni lill-Prim Ministru biex jikkummenta dwar ir-rwol tal-awtoritajiet.

    Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru semma numru ta’ punti speċjalment dwar ir-rwol tagħhom.  L-ewwel irrefera għal dak li ktibt aktar ‘il fuq.  Ministru ried li jagħmel tibdil f’xi regolamenti.  Waqqaf kumitat bl-istakeholders u wara sena ma ħareġ xejn. 

    Dan wassal għat-tieni punt li ssemma.  Li l-awtoritajiet huma awtonomi.  S’intendi ma jistgħux jitilqu għar-rashom u jkunu jridu jimxu mal-policy tal-gvern tal-ġurnata dwar dak is-suġġett biex ir-rieda tal-maġġoranza titwettaq.  Dan ma jfissirx li b’daqshekk jitilfu l-indipendenza tagħhom.  I-raġuni hi li dawn xorta jkollhom il-liberta’ li jmexxuha kif jaħsbu li hu l-aħjar.  Anki, kull awtorita’ għandha l-poteri li jekk jaraw xi liġi li ma tkunx qed tagħti riżultati mixtieqa, xorta jistgħu jagħmlu suġġerimenti lill-Ministru responsabbli li jagħmel it-tibdil meħtieġ. 

    Dan il-poter hu dritt li joħroġ mil-liġi li tkun waqqfet l-awtorita’.  Biss dan id-dritt iġib miegħu d-dmir li jġorru r-responsabbilta’ ta’ dak li jiġri fl-awtorita’ – sew tajjeb u sew ħażin.  Din hi xi ħaġa li sfortunatament ma tiġrix għaliex sew it-tajjeb u sew il-ħażin irid jiffaċċjah il-Ministru responsabbli – ħaġa li tnaqqas mill-importanza u l-indipendenza tal-awtorita’.  Fuq kollox, iżda, bħal ma ġieli ktibt, huma l-awtoritajiet stess li jnaqqsu l-indipendenza tagħhom għaliex ħafna drabi qabel ma’ jagħmlu xi ħaġa ħafna drabi jħarsu ‘l fuq biex jaraw jekk din togħġobx lill-Ministru. 

    It-tielet ħaġa li semma, kienet kif jaħdmu l-maġġoranza tal-awtoritajiet.  Ħafna drabi dawn kull ma jagħmlu hu li jaraw il-liġi x’tgħid u sempliċiment ‘they tick the boxes’.  Din l-attitudni mhux biss tnaqqas mis-sensittivita’ tal-awtoritajiet għal dak li jaħsbu n-nies, iżda ħafna drabi tmur kontra l-prinċipji tan-nies.  Forsi hemm min jgħid li dawn ikunu marbutin b’xi liġi.  Jista’ jkun, imma hemm jidħol id-dmir tagħhom jekk hemm xi liġi li m’għadhiex tajba għaż-żminijiet tal-lum, jaħdmu biex tinbidel.

    Din l-attitudni għandha effett ieħor – dak li l-awtoritajiet ma jagħmlu xejn fuq affarijiet li l-liġi tagħhom ma ssemmix, iżda affarijiet li qed jolqtu lin-nies.  Minflok jaġixxu biex isolvu l-problemi tal-lum u jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini, jingħalqu ġol-gaġġa tal-liġi preżenti u ma jagħmlu xejn.  Jinsew li kull liġi qegħda hemm biex il-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata, jitħaddmu f’kull qasam, anki dawk li l-liġi ma ssemmix.

    Jien nemmen fl-awtoritajiet għax dawn minħabba li għandhom aktar flessibbilta’ minn dipartimenti tal-gvern, jistgħu mhux biss ikunu aktar effettivi billi jaġixxu malajr, iżda jkunu effettivi biex jilqgħu għal problemi li l-ħajja mgħaġġla tal-lum qed toħloq minn kull aspett.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0