KULL ĠDID ĦAŻIN?

  • Nov 21, 2019 14:28
  • Miktub minn Alfred Sant

    Problema meta jkunu qed jitressqu ’l quddiem daqstant proġetti ta’ bini li ftit jagħmlu sens -- talanqas mill-perspettiva tal-interess publiku -- hu li wieħed jibda jara kull proposta għal proġetti ġodda bħala suspettuża.

    Ma jistax ikun li kull ġdid hu ħażin. Kif allura se tagħraf liema mill-proposti li jsiru huma aċċettabbli... jew aktar minn hekk, addirittura tajba?

    Għax biex tagħqad, ftit għadna nistgħu nafdaw lil dawk li suppost qegħdin hemm biex jiddeċiedu skont regoli stabbiliti. Rajna wisq okkażjonijiet fejn id-deċiżjonijiet li ħadu marru kontra r-regoli.

    Terġa’, jidher li r-regoli nfushom huma vvizzjati b’ambigwitajiet li jħawdu l-bigħa u minflok jagħlqu t-triq għall-irregolaritajiet, jiftħuha.

    ĦADDIEMA BARRANIN

    Kont naħseb li l-ħaddiema barranin f’Malta jinsabu l-aktar fost speċjalisti – bħal tekniċi tal-internet u tal-finanzi, u fost dawk li jagħmlu xogħol li l-Maltin ma tantx għadhom iridu jidħlu għalih -- fil-kostruzzjoni jew fil-lukandi u ristoranti. Tal-ewwel jaqilgħu flejjes kbar, tat-tieni ftit li xejn jitħallsu tajjeb.

    Din l-istampa hi bogħod sew mir-realtà. Effettivament ħaddiema barranin jinsabu tista’ tgħid fil-postijiet kollha ta’ xogħol mifruxa mal-ekonomija: fil-fabriki, fil-posta, fil-korporazzjonijiet tal-gvern, fl-iskejjel, fil-karozzi tal-linja...

    Filfatt l-aktar li skantajt fl-aħħar xhur kien meta sirt naf li anke fil-fabriki ta’ Għawdex hemm barranin jaħdmu. Sadattant anke fil-fabriki kbar bħall-ST Microelectronics in-numru ta’ ħaddiema barranin qed jiżdied.

    Naħseb li hi ħaġa tal-akbar importanza li jkollna studju dettaljat ta’ kif il-ħaddiema barranin huma nfilzati fit-tessut ekonomiku tal-pajjiż. Mhux sempliċement mil-lat tal-istatistika, bħal fl-istudji eċċellenti li jagħmlu tal-Jobs Plus. Imma anke b’mod kwalitattiv f’analiżi anke soċjali, ta’ kif ħaddiema barranin qed jispiċċaw parti essenzjali mill-mod kif pajjiżna jaqla’ l-għajxien tiegħu.

    IL-LEMIN FI SPANJA

    Sa ftit taż-żmien ilu, kulħadd kien jistagħġeb kif fi Spanja (bħal fil-Portugall) il-lemin estrem baqa’ dgħajjef għal kollox. Fl-aħħar sena jew ftit aktar, ix-xena nbidlet. F’daqqa, Vox partit tal-lemin estrem li beda mix-xejn, sar it-tielet l-aqwa partit fil-Parlament tal-pajjiż. 

    Jintqal li kienet il-ġlieda tal-Katalani biex jieħdu l-indipendenza li pprovdiet il-ħatab għan-nirien li qabbdu l-estremisti. Biss, forzi nazzjonalisti kienu ilhom jitqanqlu fi Spanja, u mhux fil-Katalunja biss. Għaliex kellu jkun issa li Vox tirrombla?

    Raġuni forsi aktar qawwija ġejja mill-fatt li s-sistema politika Spanjola donnha staġnat. Għaddiet minn erba’ elezzjonijiet f’erba’ snin u baqgħet bla gvern stabbli. Mingħajr koalizzjoni, ma jistax jitwaqqaf gvern hekk. U l-partiti Spanjoli donnhom ma jafux kif jiftehmu dwar koalizzjoni.

    Sitwazzjonijiet inċerti u staġnati joffru l-aqwa opportunitajiet lill-estremisti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0