NINSABU ĦAFNA AĦJAR

  • Nov 28, 2019 07:20
  • Miktub minn Alfred Sant

    Meta tisma’ ċerti nies ifakkruna kif aħna ħafna aħjar fl-Unjoni Ewropea milli konna qabel dħalna fiha, ma tistax ma titbissimx. Wara li ilna ħmistax-il sena membri tal-Unjoni, allaħares ma konniex aħjar minn meta bdejna. 

    Il-mistoqsija hi: konna nkunu aħjar illum barra l-Unjoni milli ġewwa fiha?

    Qabel ma wieħed jibda jfajjar l-argumenti li iva, mela!: ikun tajjeb li wieħed jiftiehem kif se jkejjel dan l-“aħjar”.

    Pereżempju, jissemmew il-fondi li Malta ħadet mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għal proġetti. Imma qatt – jew kważi – ma jissemmew il-fondi li tħallas. Skont il-baġit għas-sena li ġejja, dawn se jlaħħqu 130 miljun ewro fl-2020.

    Jissemma t-titjib ekonomiku li kellna: imma mkejjel kif? Jekk tħares lejn il-kummerċ barrani, id-defiċit li kellna mal-Unjoni Ewropea fil-bilanċ kummerċjali magħha baqa’ jikber bla qies.

    Jekk jissemma t-titjib soċjali, mill-ġdid kif se tkejlu? Pereżempju se nqisu kif il-prezzijiet tal-oġġetti tal-ikel f’Malta raw fost l-ogħla żieda fl-Ewropa?

    Faċli tikkonkludi mod, jekk tagħlaq għajnejk għal kull element li juri xi ħaġa mod ieħor.

    ***

    DMIRIJIET TA’ PRIM MINISTRU

    Hemm mumenti meta fil-qadi ta’ dmirijietu, Prim Ministru jkollu jġorr piżijiet enormi ta’ responsabbiltà.  Min josserva xinhu jiġri minn barra, jista’ jikkummenta komdu meta ħafna drabi ma jkunx jaf l-“istorja” kollha jew ikun irid jaraha b’mod tiegħu u xejn aktar. 

    Is-serjetà naħseb li titlob prudenza kbira. Għandna nħallu l-“istorja” kollha tiżviluppa sal-aħħar, bil-fatti kollha li joħorġu qabel intaqtqu hekk jew hekk.

    Tibqa’ l-esiġenza, m’hemmx għalfejn ngħidu, li tassew il-fatti joħorġu kollha u bla dewmien mhux spjegabbli.

    ***

    TIMXI , TITKELLEM, TIKTEB... 

    Saret ħaġa normali fi Brussell imma anke f’Malta li kull fejn tmur fit-toroq tiltaqa’ ma’ nies li donnhom tbellhu u qed jitkellmu magħhom infushom. Ma jkunux: ma’ widinthom ikollhom buttuna u tarahom għaddejja f’diskussjoni ma’ xi ħaddieħor minn telefown li ma jidhirx.

    Inkella, issibhom miexja b’ħarsithom baxxuta fuq mobajl jagħfsu fih biex jaraw x’qed iwasslilhom jew biex jibgħatu l-messaġġi. Sadattant,  jibqgħu mexjin dritt jew f’żigużajk u jistennew lil min riesaq lejhom jagħmillhom il-wisa’.

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar in-nies donnha qed tgħix f’żewġ realtajiet fl-istess ħin: dik fejn tinsab fiżikament; u dik “virtwali” fejn qed titkellem jew tikkomunika ma’ ħaddieħor f’post differenti. B’dal-mod nidhru li qed ngħixu ħajja aktar effettiva. 

    Kemm hu minnu li qed jiġri hekk? Tgħaddi minn triq u ma tismax il-ħsejjes li jinsabu fiha għax għandek buttuna f’widintek. Taqsam ġnien u ma tara xejn mis-siġar tal-madwar għax tinsab iċċassat lejn l-iskrin tal-mobajl...

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0