F’DAK LI JSIR...

  • Diċ 09, 2019 07:56
  • Miktub minn Alfred Sant

    F’dak li jsir, ikun min ikun li jmexxi jew tmexxi lill-Partit Laburista, żewġ affarijiet iridu jiġu żgurati. L-ewwel li l-kisbiet ekonomiċi u soċjali tal-aħħar snin jiġu salvagwardjati. Kienu kisbiet kbar li wasslu għal titjib sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja ta’ bosta Maltin.

    U t-tieni li jiddaħħal titjib serju fil-governanza publika mal-firxa kollha tat-tmexxija statali. Ma jistax ikun li ċerti deċiżjonijiet, ġieli kbar ħafna, ġieli jidhru anqas serji imma b’impatt sotterran qawwi, jittieħdu fil-magħluq jekk mhux fid-dlam, bejn ftit magħżulin, bla ebda rendikont publiku.

    Qed nikteb l-ewwel u t-tieni,  imma ż-żewġ miri għandhom jitqiesu bħala ta’ importanza ugwali. 

    It-tajjeb li twettaq irid jibqa’ jiġi sostnut. L-imgħawweġ li seta’ ġara jrid jiġi ddrittat mingħajr biża’ jew favoritiżmu. Bl-akbar impenn.

     

    ***

    ISIMNA?  

    Smajna ħafna dwar kif ir-reputazzjoni ta’ Malta qalgħet taptipa kbira. Naqbel li hekk ġara u li hemm bżonn ta’ ħidma kontinwa u ffokata ta’ bidla ħalli s-sħaba li ninsabu taħtha titlaq minn fuqna.

    Biss xejn ma naqbel li dil-problema skattat biss fl-aħħar snin. Kien lejn tarf it-tieni amministrazzjoni Gonzi li ġie jkellimni ġurnalist Ewropew dwar il-qagħda f’Malta. Kien wieħed minn dawk li m’għandhomx ħajta f’ilsienhom u dejjaqni bil-mod niggieżi u dispreġjattiv li tkellem dwar il-pajjiż, tant li sfidajtu dwar hekk.

    Wera li kien informat sew dwar x’ġara u ma ġarax fostna. Kif tistgħu tittieħdu bis-serjetà? staqsa. Semma l-każi tal-imħallfin imxaħħma, tal-Kummissarju Ewropew Nazzjonalista li tkeċċa, tal-attentat ta’ qtil qatt solvut fuq ic-Chief of staff tal-Prim Ministru Fenech Adami – kif ukoll is-setturi finanzjarji u tal-imħatri bl-internet, li skont hu qegħdin hawn biex jaħslu l-flus. U telaq ilsienu fuq punti oħra.

    M’hemm l-ebda faraġ għal li qed jiġri llum fit-tifkira ta’ kif kienu l-affarijiet fl-2011. Biss hu siewi li kollox jitpoġġa f’qafas sħiħ.

     

    ***

    KARROTTI, BAJD

    X’jikkostitwxi laqgħa ta’ protesta paċifika?

    Dimostrazzjoni fejn in-nies timmarċja fit-toroq? Iva.

    Tgħajjat u tħabbat il-borom jew xi jkollha f’idejha? Iva.

    Turi u żżomm fil-għoli kartelluni b’ritratti jew slogans? Iva.

    U jekk il-kartelluni jkollhom kliem oxxen jew offensiv bħal “żibel”? 

     ...

    Jew jekk id-dimostranti jissottaw lil min ifettlilhom bil-bajd jew karrotti? 

     ...

    Ftit jagħmel sens li twieġeb għal mistoqsijiet hekk skont jekk taqbilx iva jew le mal-protesta li tkun qed issir. Jew li għax qed tipprotesta dwar qtil, tista’ tissotta. Hekk rajna jiġri. B’hekk, bilfors wieħed ikollu jinterpreta ċerti protesti “paċifiċi” bħala manuvri ta’ provokazzjoni.

    Rajt wisq manuvri ta’ dat-tip isiru matul is-snin biex ma nagħrafx tal-aħħar fis-sensiela.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0