Il-midja barranija

  • Diċ 12, 2019 07:59
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-midja barranija mhijiex titratta lil Malta b’xi ħlewwa. Il-biċċa l-kbira ta’ dak li qed jinkiteb dwarna bħalissa jurina fl-aktar ilwien suwed possibbli.

    Dan qed ikompli jkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tal-pajjiż.

    Kemm ili nsegwi l-politika mhux l-ewwel darba li dil-ħaġa ġrat. Niftakar meta konna ħadna l-fama ta’ Kuba fil-Mediterran jew ta’ alleati ta’ Kim il Sung. Polemiki oħra kienu dwar il-konfront politiku partiġġjan f’Malta li kien iwassal skont il-midja, għal ġlieda enormi fit-toroq bejn il-forzi tad-dlam u tad-dawl. Kellna artikli u programmi sensazzjonali dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż, fattwali jew mistħajla.

    Il-polemika tal-lum fil-midja intrernazzjonali hi l-agħar waħda li niftakar għax tgħaqqad l-elementi kollha jew kważi, li kienu jidhru fil-kampanji medjatiċi tal-imgħoddi dwar pajjiżna. Naf li għal ħafna li jgħixu fostna, x’jgħidu jew ma jgħidux fil-midja barranija ftit jidher li jagħmel differenza f’ħajjithom.

    Imma filfatt jagħmel, għax pajjiż li ma jgawdix fama tajba, jispiċċa jsib diffikoltà biex ikompli jirranka fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu.

    ***

    REPUBBLIKA

    Fiż-żmien li ġej, se tkun meħtieġa ħidma bla waqfien biex l-istrutturi li bihom titmexxa r-republika ta’ Malta jingħataw aktar saħħa. Jien nibqa’ nemmen li l-kostituzzjoni tipprovdi biżżejjed spazju u żvog biex l-istituzzjonijiet li hi twaqqaf tassew jagħmlu xogħolhom.

    Biss, iridu jitmexxew u jiġu ndokrati b’għaqal u rispett. B’sens ukoll ta’ rieda tajba. Li ġara matul id-deċennji forsi kien li dawk li kellhom id-dmir li jħaddmu l-istituzzjonijiet, għamlu dan b’moħħhom jikkonċentra l-aktar fuq x’kien jaqbel l-aħjar għall-partit jew l-interessi personali tagħhom. F’dan l-emfażi li baqa’ jiżdied pulzier pulzier u ripetut minn gvern għal gvern, l-istituzzjonijiet bdew jifossillizzaw ruħhom.

    Sfida ewlenija hi: kif se nagtħuhom ħajja vera li titqies bħala ġenwina minn kulħadd?

    ***

    AĦNA L-FUTBOL

    Xejn ma jogħġbuni r-riklami li l-kumpaniji tal-ażżard bl-internet jtennu minn fuq it-televixin meta jkunu qed jixxandru l-logħbiet futboll tal-pajjiżi Ewropej. Nimmaġina li għandhom kull dritt jisponsorjaw dawn il-programmi. Imma li jsostnu bis-slogan tagħhom... We are football... Aħna l-Futboll... xejn ma tidhirli bħala għajta li tixraq.

    Donnha qed tgħidilna li l-futboll mhux sport daqskemm okkażjoni biex tilgħab il-flus. Kif naraha jien, qed jirrelegawh minn attività fiżika u kompetittiva, delizzju, passatemp, għal attività ta’ kompetizzjoni bil-flus, li fl-agħar profil tagħha tispiċċa vizzju.

    Se jkun hawn min jaħseb li qed infettaq. Biss lil hinn mir-riklami li jsiru, il-mod kif l-isport modern... mhux biss il-futboll... sar jiddependi daqstant mill-industrija tal-logħob tal-ażżard biex ikun finanzjat hu xi ħaġa li tista’ tavvelena l-mod kif l-isport jitmexxa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0