Elezzjoni hi sinjal tajjeb

  • Diċ 16, 2019 08:39
  • Miktub minn Alfred Sant

    Li qed issir elezzjoni biex jinħatar mexxej ġdid Laburista hu sinjal tajjeb – hekk jidhirli. Il-biċċa turi li hemm interess attiv filli dil-kariga timtela’ minkejja d-dlam li fl-aħħar ġimgħat inġema’ madwarha. Tagħti ċans biex il-membri tal-partit jitpoġġew quddiem proposti ta’ ħidma għall-futur ħalli jagħżlu mhux biss persuna, imma wkoll bejn programm u programm.

    Veru li waqt tellieqa elettorali jista’ jqum l-inkwiet, antagoniżmi, qrusa bejn nies li minn ħbieb jispiċċaw avversarji. Biss jekk ċerti regoli bażiċi jiġu rispettati, m’hemm xejn inevitabbli f’dan.

    Importanti wkoll hi l-ħtieġa li għal min ma jintgħażilx, jibqa’ jeżisti bla problema ta’ xejn spazju sħiħ fejn jista’ jsostni l-impenn politiku tiegħu. Hawn min iqis li din tkun ħaġa diffiċli bejn żewġ kompetituri friski.

    M’inix konvint. Nafu b’eżempji fejn ġara hekk b’suċċess kbir. Ovvja li jrid ikun hemm ir-rieda tajba u l-fiduċja. Għax dawn jaħbtu kwalitajiet mill-isbaħ, ma jfissirx li huma skarsi.

    ***

    FIDUĊJA

    Wara kollox għax qalitha Sophia In’tVelde, ma jfissirx li m’hemmx raġun. Mexxiet id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-kumitat LIBE, li ġiet Malta ġimgħa ilu. Skont hi, problema ewlenija f’Malta saret dik ta’ fiduċja f’kif issir it-tmexxija.

    Jekk wieħed ma jemminx li min qiegħed fil-poter qed jgħid il-verità u li qed ikun ġenwin u onest f’dak li jgħid u jagħmel, tissensel kriżi. Il-problema tista’ tkun ħtija ta’ min ikun fil-poter jew le. Imma jekk din l-isfiduċja tkun qiegħda hemm, aħjar tissewwa.

    It-tmexxija tal-pajjiż bħalissa għandha din l-isfida ta’ kif se ġġib lura l-fiduċja li setgħet tilfet.

    ***

    BĦAL ĦADDIEĦOR...DAQS ĦADDIEĦOR...

    Smajtha kemm-il darba fl-aħħar snin, mhux l-anqas dwar kuntratti ta’ żvilupp fil-bini. “Ma jien qed nitlob xejn speċjali għalija. Anzi rrid biss li jittrattawni bħal ħaddieħor. Ma rridx nieħu aktar minn Ċikku imma għandi niġi ttrattat bl-istess qies ta’ Ċikku, inkella ma hemmx ġustizzja.

    U jkollok taqbel li hekk hu sew, li dak li jingħata lil wieħed, jingħata wkoll lil ħaddieħor.

    Il-bużillis qiegħed hawn: li donnu saret prattika komuni – l-ewwel Ċikku jitħalla jgħawweġ ir-regoli biex imbagħad jinstablu mod ħalli jitbierek dak li jkun sar; u wara, iqumu każi oħra fejn jinqdew bil-mudell ta’ Ċikku, ħalli dak li jkun ġara miegħu jsir band’oħra, ma’ ħaddieħor.

    B’hekk, it-trattament mogħti lil Ċikku jitqies bħala aċettabbli. U jekk tagħti anqas minnu lil ħaddieħor, tkun inġustizzja. Naf b’każ fejn wara li Peppi ngħata xi xtaq, skont x’dabbar Ċikku, ingħaqad mal-appelli li saru kontra d-deċiżjoni mogħtija favur l-ieħor! Only in Malta!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0