INKJESTI MAĠISTERJALI

  • Diċ 19, 2019 03:16
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-mod kif l-inkjesti maġisterjali saru “moda” fl-aħħar snin, jidhrili li hu l-aqwa turija ta’ fejn il-governanza tal-pajjiż iddgħajfet. Ftit jien konvint li inkjesti maġisterjali jistgħu jkunu daqstant effiċjenti biex tinstab il-verità kollha jew biex tinstab “fil-ħin”.

    Jekk fhimt tajjeb kif jaħdmu dawn l-inkjesti, jonqoshom meżżi eżekuttivi qawwija biżżejjed biex jistħarrġu l-kwistjonijiet imressqa quddiemhom. Veru li għandhom il-poter li jordnaw lix-xhieda jidhru quddiemhom u li jqabbdu bi ħlas mill-fondi publiċi esperti u oħrajn biex jindagaw fuq aspetti ta’ xi jkunu qed jiffokaw fuqu.

    Imma apparti mid-dewmien li jieħdu l-inkjesti (u mhux Malta biss), mingħajr riżorsi umani li jirrispondu direttament għal min qed jistħarreġ, riżorsi li jkunu rabbew l-expertise tagħhom u jistgħu jitpoġġew il-ħin kollu fuq każ, rari li l-inkjesti se jwasslu ’l bogħod biżżejjed.

    Ix-xogħol li qed jitqabbdu jagħmlu, jkun messu sar jew messu qed isir mill-pulizija.

    ŻIEDA FIL-PAGI

    L-aħħar statistika dwar id-dħul (ras imb’ras) mix-xogħol ta’ ħaddiema u impjegati (għat-tielet tliet xhur ta’ dis-sena), turi li fiż-żona tal-ewro dad-dħul żdied b’medja ta’ 2.6 fil-mija. F’Malta żdied bi 2.7 fil-mija. Fis-sitt xhur ta’ qabel, tliet xhur bi tliet xhur, għall-ewwel id-dħul f’Malta naqas – b’0.1 fil-mija – u fit-tieni tliet xhur tela’ biss b’0.9 fil-mija fi żmien meta l-medja taż-żona tal-ewro kienet turi żieda ta’ xi 2.8 fil-mija.

    Anke bir-riżultat tal-aħħar tliet xhur (sa Settembru) iż-żieda fid-dħul mix-xogħol f’Malta kien anqas sew miż-żieda fiż-żona ewro. Issa, suppost li ġara bil-maqlub peress li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’Malta kienet aqwa sew minn dik ta’ ħafna mill-pajjiżi tal-ewro. Għaliex ġara li ġara?

    L-aqwa raġuni li nista’ naħseb fiha hi li bl-immigranti mill-Ewropa l-aktar, it-talba għal ħaddiema u impjegati qed tiġi kklirjata mingħajr il-ħtieġa li jseħħ titjib fil-livelli tal-pagi.

    TNAQQIS FIL-BEJGĦ

    Hu naturali li sidien u impriżi jesprimu d-dwejjaq tagħhom meta jaraw... kif seħħ fl-aħħar ġimgħat... tnaqqis fil-bejgħ tax-xogħol tagħhom.

    Fi żmien ta’ inċertezza politika, in-nies toqgħod lura milli tixtri, sakemm l-affarijiet jibdew jidhru stabilizzati. Jekk ikun hemm ukoll protesti u dimostrazzjonijiet publiċi, l-astensjoni mix-xiri jkompli jiżdied.

    Dawn iż-żewġ fatturi li jistgħu jkollhom effett separat minn ta’ xulxin huma attivi fostna. Meta u jekk il-manifestazzjonijiet jieqfu, tal-ħwienet jieħdu n-nifs għax ix-xiri u l-bejgħ jerġa’ jitlaq. Malli s-sitwazzjoni politika tiċċara, kif wieħed jistenna li jiġri, dan-nifs ikompli jikkarga.

    Fi Franza bħalissa, bid-dwejjaq popolari kbar li hemm minħabba l-proposti tal-gvern dwar il-pensjonijiet, teżisti sitwazzjoni simili. Ngħid jien, ta’ Franza hi żgur serja daqs tagħna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0