Ferħ, paċi u sliem għan-nies ta’ rieda tajba

  • Diċ 21, 2019 08:06
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Dawn huma l-karatteristiċi tal-Milied għall-maġġoranza tan-nies fejn persuna tħares lejn il-Milied bħala żmien li hi tkun tista’ twarrab l-affarijiet ta’ kuljum u barra li tistrieħ ftit terġa’ tara dawk l-affarijiet li tkun traskurat fil-ġirja tal-ħajja ta’ kuljum.  Ħafna drabi dawn ikunu kuntatti ma’ persuni oħra li nkunu nsejna jew inkunu ħarisna lejhom bl-ikrah minħabba xi ħaġa li ma nkunux qbilna ma’ xulxin.

    Biss il-maġġoranza tan-nies jaraw kif jerġgħu jippruvaw isewwu dawn il-kuntatti u anki jekk ma jaslux, xorta f’dan iż-żmien inaqqsu t-tensjoni u jaġixxu bħal li kieku kollox hu normali.  Dan jiġri sakemm ma tkunx daħlet mibegħda.  Għaliex meta tidħol il-mibegħda, jista’ jiġi l-Milied kemm-il darba għax l-affarijiet ma jirranġawx.  

    Sakemm il-mibegħda tkun bejn persuna u oħra, il-ħsara hi limitata.  Iżda meta din tinxtered, il-ħsara tkun ħafna akbar.  Il-persuna li tobgħod l-aktar ħaġa li tiddispra hi meta l-persuna l-oħra ma tagħtix kas il-persuna li togħbodha.  Dan għaliex il-mibegħda u l-azzjonijiet ħżiena li jsiru ma jkunux qed iġibu r-riżultat li kien mixtieq. U meta dan ma jirnexxix in-nies li jobogħdu jinfexxu f’affarijiet oħra.

    U hekk ġara għaliex issa dawn il-gruppi qed ixewxu biex il-Maltin ma jagħtux flus għall- Community Chest Fund.  Dan hu fond li jgħin lil dawk in-nies li għandhom bżonn għajnuna, ħafna drabi jkunu qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ mard.  Dan hu fond li ma jħares lejn wiċċ ħadd u jgħin lil kull min għandu bżonn.  Issa biex tattakka fond bħal dan, tant trid tkun għami bil-mibegħda li għandek ġo fik, li tinsa kull valur. Jekk ma jkunx hemm flus fil-fond kulħadd ibati għax il-mard m’għandux kuluri.

    Din is-sitwazzjoni llum qed narawha minn marmalja ta’ nies iddisprati li minkejja li jgħidu li jemmnu fid-demokrazija, għemilhom jgħaddi messaġġ differenti.  Dan għaliex kollox għandu ħinu u waqtu u minkejja li kulħadd għandu dritt li jipprotesta xorta l-protesti jridu jkunu ta’ nies u mhux ta’ marmalja u kollox irid ikun f’waqtu.  Min jipprotesta jrid jara wkoll l-interessi ta’ ħaddieħor.  

    Jekk nibdew b’tal-aħħar, sezzjoni li l-aktar li sofriet kienu n-negozjanti tal-Belt.  Bħal ma hu għal kull negozjant ieħor, iż-żmien tal-Milied hu importanti għaliex hu l-aktar żmien importanti tas-sena.  Fejn qabel in-nies ma kellhomx fejn jixtru ħlief il-Belt, illum hemm ċentri oħra kummerċjali u n-nies mhux ser tidħol il-Belt biex tixtri meta ma tafx jekk hiex ser tiltaqa’ ma’ xi protesta.

    Li kieku l-protesti kienu paċifiċi, is-sitwazzjoni kienet tkun xorta oħra.  Biss meta l-protesti ġabu tfigħ ta’ affarijiet u vjolenza oħra barra l-insulti, in-nies imorru jixtru post ieħor.  

    Is-Saltna tad-Dritt hi espressjoni li tgħid li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi.  U hekk għandu jkun.  Is-sitwazzjoni ta’ dawn il-protesti qed turi mod ieħor.  Meta riċentament kellna xi protesti min-naħa ta’ xi emigranti u minħabba li bl-imġieba tagħhom kisru l-liġi mal-ewwel ittellgħu l-qorti.  Sewwa ġara għax ħadd suppost mhu ‘l fuq mil-liġi.  Iżda din is-sitwazzjoni hi b’kuntrast kbir mal-protesti li ġraw il-Belt minn min suppost jgħid li jemmen fuq is-Saltna tad-Dritt.  

    Hemm rajna tfigħ ta’ affarijiet fuq il-Prim Ministru u Ministri oħra, rajna ħsarat fuq karozzi, u rajna pulizija jaqla’ daqqa ta’ ponn.  Iżda dawn għax huma Maltin u jippartjenu lil ċertu grupp sal-lum għadni ma smajtx li xi ħadd mill-marmalja ttella’ l-qorti.  Kollox baqa’ għaddej, qiesu ma ġara xejn!  Kienu qalu li se tellghuhom il-qorti specjalment lil dak li ta daqq lill-pulizija.  Tidher li l-ġustizzja mhux għal kulħadd l-istess.

    Fil-fatt lanqas dawk li kienu qed jipprotestaw biex suppost ikun hawn is-Saltna tad-Dritt ma protestaw biex dak min fosthom li kisru l-liġi jittieħdu passi kontra tagħhom.  U jekk niġu f’dan, dawn lanqas ma marru jipprotestaw fuq affarijiet oħra li ntefgħu taħt it-tapit.  Per eżempju, ma protestawx għax ma smajna xejn fuq l-iskandlu tax-xiri taż-żejt fejn kien hemm miljuni ta’ euros involuti u kellu jkun il-poplu li jħallas għalihom.  L-istess ma pprotestawx għaliex taħt il-Gvern ta’ qabel, artijiet tal-Gvern ingħataw kważi b’xejn qabel l-elezzjoni tal-2013 u zoni ADZ inbidlu f’zoni li tista’ tibni fihom.  S’issa għadna lanqas rajna l-ebda żvilupp fuq min iffalsifika d-dokumenti fil-każ tal-Egrant.  

    Dawn ħadd minnhom ma’ pprotesta fuq dawn l-affarijiet għax huma ħobża u sikkina ma’ min kien involut.  Jekk tħares lejn l-uċuħ li jkun hemm jipprotestaw mal-ewwel tittendi li ħafna minnhom kienu nies li kellhom pożizzjonijiet importanti taħt il-Gvern ta’ qabel 2013 u min jaf kemm kienu daħħlu flus speċjalment bid-direct orders li kienu jingħataw jew il-pagi speċjali li kienu jieħdu.

    Biss dawn mhux l-uniċi nies li qed ipinġu lil Malta bħala xi dittatorjat.  Hemm nies oħra li qed jagħmlu ħsara akbar għaliex qed imorru jxewxu barra minn Malta kontra pajjiżhom stess.  Dawn għad jibqgħu jissemmew fl-istorja għal dan it-tradiment ta’ pajjiżhom.  

    Din il-ħsara illum mhux biss qed tagħmel ħsara lill-ekonomija Maltija iżda anki politikament għaliex reġgħu ġabuna kolonja.  Jekk nieħdu l-ekonomija, bħal ma semmejt aktar ‘il fuq, il-ħsara li qed issir mhux qed issir lil xi grupp partikolari, iżda lill-Maltin kollha u għalhekk hu tradiment.  L-ewwel daqqa li ser jieħdu huma dawk il-Maltin li qed jistudjaw l-Universita’ għaliex dawn li qed jaħdmu fl-aktar oqsma importanti fl-ekonomija l-ġdida li hi l-aktar sensittiva għal reputazzjoni ħażina ta’ pajjiż.  

    Min-naħa politika, illum qed naraw bullying min-naħa tal-Ewropa.  L-aħħar li ktibt kont staqsejt fejn marru l-kisbiet politiċi tat-13 ta’ Diċembru.  U proprjament kien f’din il-ġurnata li rajna bullying fuq il-Prim Ministru Malti mill-Prim Ministru Olandiż.  Dan pubblikament ħareġ jgħid dan il-kliem –

    “I have emphasized to him that, pending his departure as prime minister, it is important that a separation of his office in Malta and the further prosecution [of the murder] is guaranteed, that this is crucial,  He assured me that this was the case and I will now try to keep an eye on this as much as possible,” Politico reported. 

    Meta qal dan il-kliem ma’ kienx qed jindirizza lil Joseph Muscat bħala persuna iżda kien qed iżeblaħ lill-Prim Ministru Malti u għalhekk l-istat Malti.  Kien qed jistma lill-PM Malti bħala tifel żgħir li għandu bżonn sorveljanza.  Nesa li pajjiżu hu mimli bil-prostituzzjoni, bid-drogi u bil-ħasil ta’ flus.  Ara fuq dan ħadd fil-Parlament Ewropew ma jitkellem.  Għaliex?  Sempliċi, għax ma hemm l-ebda Olandiż li qed ixewwex kontra pajjiżu stess.  

    Iżda biex naraw kif Malta illum saret kolonja tal-UE, naraw dak li ntqal fid-dibattitu li sar dan l-aħħar biex jiġu mponuti sanzjonijiet kontra Malta.  L-MEP Weber li hu l-kap tal-Partiti Popolari Ewropew, u li hu bniedem fallut daqs sieħbu f’Malta, għax anki sħabu warbuh u poġġew lil ħaddieħor bħala President tal-UE, fid-dibattitu qal dan:

    ‘Muscat needs to leave the path free now.  The only demand in the room is that he should not remain in office for 30 days further but he immediately resigns.’

    Nistaqsi – Liema huma dawk il-pajjiżi li pajjiż jew pajjiżi oħra jiddeċiedu fuq il-Prim Ministri tagħhom?  Huma biss dawk li huma kolonji u llum il-Parlament Ewropew hekk ġab lil Malta – kolonja tiegħu.  

    Din is-sitwazzjoni tagħti daqqa wkoll lid-demokrazija f’Malta.  Safejn naf jien f’pajjiż fejn hemm id-demokrazija u l-liberta’, hu l-poplu tal-pajjiż stess li jiddeċiedi fuq il-Prim Ministru tiegħu u mhux ħaddieħor. Illum ġabuna li ċ-ċittadini Maltin ma għandhom l-ebda influwenza fuq dak li jiġri pajjiżna għaliex huma l-barranin imxewxa minn Maltin li qed jiggvernaw dan il-pajjiż.  

    l-istess fuq it-tibdil fil-liġijiet dwar is-sistemi tagħna tal-qrati li l-Ewropej iridu li jidħlu Malta.  L-istess safejn naf jien f’pajjiż indipendenti huma ċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż li jiddeċiedu kif huma jixtiequ jiġu ggvernati.  

    Iżda minn dan ma baqa’ xejn għaliex Malta reġgħet ġiet kolonja tal-pajjiżi Ewropej.  

    Biss ir-risposta tal-poplu Malti għandha tkun waħda.  Dik li nibqgħu ngħixu ħajjitna kif irridu aħna bil-valuri tagħna u mhux ta’ ħaddieħor.  Bħalissa qegħdin fiż-żmien il-Milied u għandna niċċelbraw il-Milied bħal qabel fejn nifirħu lil xulxin u f’għaqda nkomplu ngħinu lil dawk li għandhom bżonn permezz tal-kontribuzzjoni tagħna lejn fondi bħall-Community Chest Fund.  Dawk il-gruppi li ma jridux jingħaqdu mal-poplu Malti se jibqgħu iżolati għax la l-ferħ, la l-paċi u lanqas is-sliem ma jafu fejn joqgħod.  

    L-isbaħ xewqat lil dawk ta’ rieda tajba.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0