LIL MIN TEMMEN?

  • Diċ 23, 2019 08:21
  • Miktub minn Alfred Sant

    LIL MIN TEMMEN?

    L-aktar mumenti iebsa moralment fil-ħajja politika mhumiex meta tiġi quddiem il-mistoqsija: lil min se tappoġġja? 

      Dik tirrekjedi tweġiba li jekk tkun kif għandha tkun, tippernja mhux fuq min taħmel jew min tobgħod, fuq min hu l-akbar ħabib tiegħek jew le – imma fuq min fil-ġudizzju tiegħek, hu l-aktar adatt biex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu/tagħha b’effett, b’rettezza u b’ħila. 

     It-tweġiba għandha ssib rifless ċar f’min qed iweġibha, għalkemm dan ma jfissirx li kulħadd se jagħti l-istess tweġiba. Bogħod minn hekk. 

    Ħafna aktar tqila  biex issib tweġiba għaliha hi l-mistoqsija: lil min se temmen meta tiġi ffaċċjat b’verżjonijiet differenti, ġieli konfliġġenti, ta’ xi jkun ġara u ma ġarax?

    X’se temmen? Fil-lealtà u l-ġenwinità ta’ min se turi fiduċja? Il-problema hi aktar komplikata u diffiċli peress li mhux kulħadd jifhem l-istess ħaġa meta jgħid/tgħid “leali” jew “ġenwin”.

    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    Naħseb li din hi r-raba’ darba li b’xi mod se nikteb xi ħaġa fuq ir-riżoluzzjoni li l-Parlament Ewropew għadda dwar Malta u s-saltna tad-dritt il-ġimgħa li għaddiet. Qed nagħmel hekk biex nerġa’ nsostni kemm hu vvizzjat il-proċess li bih dal-Parlament jiġġudika dwar xinhu jiġri f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

    Il-partiġġjaniżmu u l-manuvrar li bih jiġu deċiżi l-affarijiet tant hu evidenti. Daqskemm hu evidenti l-mod kif isiru l-kalkoli: trid tiskuża u tinjora dak li qed jagħmlu l-alleati tiegħek; trid tikkundanna dak li jagħmlu dawk li ma taqbilx magħhom.

    Il-livell ta’ ipokresija f’dan kollu laħaq quċċata eċċezzjonali fil-każ ta’ Malta. Mhux ma hemmx dwaru affarijiet li jagħtu lok kbir għal kritika: hemm. Biss, kienet xi ħaġa tal-għaġeb kif sar kull sforz, biex kull allegazzjoni u attakk pwerili li tqanqlu fl-aħħar xhur kontra l-gvern Malti jiddaħħlu fir-riżoluzzjoni bla ebda ħjiel kritiku.

    KUNFLITT TA’ INTERESS

    Lil hinn mill-kontroversji għaddejja ta’ bħalissa, jeħtieġ nitkellmu aktar dwar kf nistgħu f’pajjiżna nrażżnu l-kunflitti ta’ interess.

    Mhijiex u ma tistax tkun kwistjoni ħafifa biex issolviha. Pajjiżi kbar mhumiex isibu tarfha.

    Fil-każ ta’ pajjiż ċkejken bħal tagħna, id-diffikultajiet huma bil-wisq akbar. Imorru aktar ’il-bogħod minn kemm wieħed li għandu ċerta kariga jinsab qrib dawn jew dawk l-interessi.

    F’soċjetà żgħira bħal tagħna, kulħadd jaf lil kulħadd, kulħadd jiġi minn kulħadd, kulħadd xi darba jew oħra se jistenna “pjaċir” minn xi ħadd. Kif tista’ minn dix-xibka ta’ rabtiet kollha mdaħħla f’xulxin, tiddistingwi fejn tinsab il-fruntiera bejn xinhu aċċettabbli u x’mhuwiex?

    Il-Milied it-tajjeb lill-istaff u l-qarrejja ta’ l-inews, u l-familji tagħhom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0