Ewropa sekulari

  • Diċ 26, 2019 07:54
  • Miktub minn Alfred Sant

    Hu misteru kif mal-Ewropa kollha Jum il-Milied baqa’ jiġi ffesteġġjat. U dan wara li l-kontinent issekolarizza ruħu b’mod lampanti. Issa ma hemmx festa aktar spettakolarment reliġjuża mill-Milied fit-tifsira tagħha: mument meta Alla omnipotenti jagħżel li jitwieled bniedem. Hu żvilupp aktar qawwi, jidhirli, minn dak fejn l-istess bniedem-Alla – dejjem skont l-istess twemmin – jagħżel li jmut fuq salib.

    Kif nistgħu nirrikonċiljaw li l-mument ta’ natura reliġjuża jibqa’ qawwi fi ħdan sekolarizzazzjoni kważi totali?

    Kittieb f’ġurnal lokali dan l-aħħar ilmenta kif meta kien Londra f’nofs wirjiet imtellgħa għall-Milied, imkien ma ra xi maxtura bit-tarbija-Alla li għadha titwieled.

    X’aktarx laqat il-musmar fuq rasu. Anke t-tifsira tal-Milied ġiet sekolarizzata bħala festa fejn il-ferħ jinkiseb l-aktar billi jitqanqal il-konsum. Min jaf jekk il-fatt li fil-katidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi dis-sena għall-ewwel darba ma setgħux isiru funzjonijiet reliġjużi, kienx ukoll sinjal... ta’ kemm fl-Ewropa il-Milied spiċċa sekolarizzat?

    *** 

    L-GĦERUQ TAL-PARTIT LABURISTA

     Nitbissem meta naqra jew nisma’ kummentaturi li mhux ħlief jikkonkludu kif bil-ġrajjiet xejn ħelwin li għaddejjin minnhom fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Laburista spiċċa jew se jispiċċa mminat minn taħt u bla sostenn morali li jżommu politikament qawwi.

    Fil-biċċa l-kbira minnhom, dawn il-kummentaturi ġejjin mill-klassi tan-nofs u ħafna huma mdorrija fi tradizzjoni li tqis lill-klassi tal-ħaddiema f’Malta bħala bla moħħ u inferjuri. Mentri bil-maqlub: l-għeruq tal-Partit Laburista... fil-klassi tal-ħaddiema u f’dik tan-nofs... huma familji ġenwini, sodi fil-fehma li l-ħajja għandha tiġi organizzata b’mod ġust, fejn kulħadd jieħu dak li ħaqqu u fejn min jinsab minn taħt, għandu jingħata spalla.

    B’diversi modi, ili attiv fil-Partit Laburista issa aktar minn erbgħin sena. Dejjem rajt kif huma dawn l-għeruq Laburisti li jżommu lill-Partit għaddej. U hemm għadhom.

    Il-qawwa politika u morali tal-Partit Laburista għadha soda, għax toħroġ mill-għeruq tal-Partit. 

    ***

    KAXXI

    Meta kont żgħir, bqajt ma nistax nifhem għaliex is-26 ta’ Diċembru jsejħulu Boxing Day – espressjoni li kienet u għadha tintuża anke f’Malta. F’dawk is-snin il-boxing bħala sport kien aktar popolari (naħseb) mil-lum u anke fi żmien il-Milied kienu jinżammu l-ġlidiet.

    Kont naraha stramba li l-għada tal-Milied isemmuh għall-ġlied.

    Imbagħad sirt naf li l-kelma “boxing” kienet b’referenza għall-fatt li s-26 kien il-jum fejn tiftaħ il-“kaxxi” tar-rigali li tkun qlajt f’jum il-Milied.

    Anke din ma stajtx nifhimha. Ħafna mir-rigali li ħuti u jien konna nirċievu, ma kinux jiġu f’kaxxa. Imma aktar minn hekk, jiġu kif jiġu, ħadd minna ma kien jistenna sal-għada tal-Milied biex jiftaħhom. Mela le!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0