Kontabilità

  • Diċ 30, 2019 07:34
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kif se nibnu kontabilità serja għal pajjiżna?

    Din hi waħda mill-aqwa sfidi li se jkollu l-Prim Ministru l-ġdid. Mingħajr ma jmermer il-bżi li fuqha jitmexxa l-gvern, irid idaħħal kultura fit-tmexxja publika li tagħraf id-differenza bejn il-kondizzjonjiet li jiggwidaw it-tmexxija privata u dik publika. Tal-ewwel trid tosserva l-liġijiet imma għandha d-dritt li dak li hu tagħha, tissalvagwardjah mill-ħarsa ta’ ħaddieħor. Li tat-tieni għandha tagħha hu ta’ kulħadd, u allura trid tagħti rendikonti ċari ta’ għemilha.

    Li taħbi xinhu għaddej b’konvenjenza biex tiddeċiedi b’għaġla akbar, hi tendenza li tiftiehem imma hi żbaljata. Tagħti lok għal suspetti li l-affarijiet ikunu qed isiru bl-imgħawweġ. Mhux dejjem suspetti hekk ikunu ġustifikati, ġieli iva.

    Il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u l-manuvri li dawn iġibu magħhom iridu jkun ċċarati u spjegati malajr kemm jista’ jkun. Mhijiex ħaġa faċli. La trid tħalli kollox għaddej biex fl-aħħar tispiċċa b’rebus, u lanqas trid tikxef tant li toħloq paraliżi.

    *** 

    BAĠIT EWROPEW

    Il-ħidma biex jinbena qafas għall-baġits tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin għadha fl-ajru. Ftehim bejn il-pajjiżi membri, il-Kummisjoni u l-Parlament Ewropew jidher li għadu mbiegħed sew.

    Kemm hi importanti din il-problema? Hi; imma mhux aktar mill-problema l-oħra ta’ kemm għandhom mezzi l-Ewropej biex bihom, meta l-ekonomija tal-kontinent tkun qed tiddgħajjef, jerġgħu jagħtuha l-ħajja.

    Iż-żewġ problemi, anke jekk jippersistu... kif x’aktarx... mhumiex se joħolqu xi periklu fatali għall-binja Ewropea. Din se tibqa’, kif kienet fl-aħħar snin, proġett li l-pajjiżi Ewropej tant intrabtu miegħu matul is-sittin sena li għaddew, li ma jistgħux iħalluh jitqagħabar wisq.

    Jaħsbu x’jaħsbu, igħidu xi jgħidu, jibqgħu talanqas jillipazzaw: staġnar forsi iva, kollass le.

    ***

    GĦADA

    F’kull narrativa dwar ġrajjiet ta’ madwarna dejjem jidħol sens ta’ futur. X’se jiġri għada? X’għandu jsir illum biex għada jkun mod u mhux ieħor?

    Anke meta n-narrativa tippernja fuq il-mument sa fejn tkun waslet il-ġrajja, fil-mod kif tiġi preżentata jidħol il-ħjiel ta’ xi jmiss ikompli sejjer. Forsi naħsbu li dil-ħaġa tgħodd għar-rumanzi jew il-films, imma le. F’kull aħbar li jsemmgħulna, hemm ibejjet il-kunċett ta’ “għada”.

    Tiġik it-tentazzjoni tgħid li mingħajr l-ideja ta’ “għada”, l-għajxien mhux possibbli. U jekk qed tistenna l-mewt minn ħin għall-ieħor? Għal dawk li jemmnu f’ħajja wara l-mewt, għandu jibqa’ ħaj is-sens ta’ futur. Għal dawk li ma jemmnux, l-għada jirriżolvi madwar il-mistoqsija ta’ x’se jiġri mill-persuni u l-propjetà li tħalli warajk... nimmaġina...

    ***

    Xewqat sbieħ għal Sena ġdida mimlija riżq lill-istaff, il-qarrejja ta’ inews u l-familji tagħhom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0