IR-REBBIEĦ

  • Jan 02, 2020 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Bil-vot tagħhom, il-Maltin iddeċidew għal darba wara l-oħra li l-għażla politika tibqa’ bejn żewġ partiti. Jekk għal li ġej, b’mod demokratiku, jagħżlu differenti...  favur li jkun hawn tlieta jew erba’ partiti... bl-ebda manjiera wieħed ma jkollu għax jikkontesta did-deċiżjoni.

    Waħda mill-konsegwenzi spiċċat li min jirbaħ mit-tnejn “jieħu kollox” – fis-sens li jkollu kontroll sħiħ fuq min jagħmel xhiex, u fuq kull direzzjoni li se tintgħażel. Waqt li ssemmiet ħafna dan l-aħħar il-predominanza li min ikollu l-kariga ta’ Prim Ministru rebaħ fit-tmexxija tal-istat, issemma ħafna anqas dal-punt li jidhirli hu aktar kruċjali.

    Ili nistaqsi lili nnifsi mistoqsija li għaliha għadni sa issa ma sibtx tweġiba “tajba” biżżejjed. Sakemm il-poplu jibqa’ jaqbel mas-sistema taż-żewġ partiti, x’jista’ jsir biex titnaqqas il-qawwa li biha r-rebbieħ jieħu kollox ħalli jseħħ bilanċ aħjar fil-poteri eżekuttivi?

    ĊENTRI URBANI

    Kien hemm żmien meta l-ħarsien taċ-ċentri urbani, speċjalment dawk tradizzjonali, fil-bliet u fl-irħula kien jitqies bħala għan ewlieni tal-politika ambjentali fir-rigward tal-industrija tal-bini. Uħud jisħqu li hekk għadu l-każ imma naħseb li numru ta’ eżempji, u mhux f’Tas-Sliema biss, jindikaw li sejrin żball.

    Hemm bżonn li dil-ħaġa tissewwa. Forsi waqt li dan isir, hemm bżonn ta’ definizzjoni aktar strinġenti ta’ x’jikkostitwixxi ċentru urban li jistħoqqlu kull protezzjoni – definizzjoni li twassal għat-tfassil ċar u strett tal-firxa u l-limitu ta’ kull ċentru li se jkun protett.

    Il-biża’ jibqa’ li anke meta dan jitwettaq, se jkun hemm min jirnexxilu jibqa’ jagħmel tiegħu...

    MIDJA TAL-PARTITI

    Xejn ma naqbel mal-proposta li reġgħet tnediet biex l-midja tal-partiti jitwaqqfu. Liema midja eżattament għandhom jingħalqu? Anke l-gazzetti, jew peress li dawn saru jinxtraw anqas, ma jimportax jekk il-partiti jkomplu joħorġuhom?

    U b’liema loġika jitwaqqfu l-midja tal-partiti u mhux per eżempju, ir-radjijiet “reliġjużi”?

    Jekk induru mbagħad għall-midja hekk imsejħa “indipendenti”, se naraw kif nikkontrollaw lil min għandu xi sehem fihom? Jekk is-sidien tal-Lidl, jew ta’ Farsons, jew ta’ Gasan jkunu mdaħħla fil-midja “indipendenti”, għandhom jibqghu jitħallew hekk meta jilħqu xi parti dominanti fis-suq fejn jikkompetu? Għandhom il-midja “indipendenti” ikunu sorveljati dwar jekk humiex qed ikunu oġġettivi fir-rapportaġġ li jagħmlu tal-aħbarijiet politiċi u ekonomiċi tal-ġurnata?

    L-aqwa ħidma li jagħmlu l-partiti politiċi hu f’li jwasslu l-messaġġi tagħhom. Dwar il-kontenut u l-istil tal-messaġġi, jiġġudika l-poplu. Li twaqqafhom milli jxandru l-messaġġ tagħhom hu attakk fuq il-libertà tal-kelma. Stramb li qed joħorġu favur li dan isir, nies li jiftaħru kemm huma l-pampaluni ta’ dil-libertà.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0