Merħba 2020

  • Jan 04, 2020 08:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Il-bidu ta’ sena ġdida hu l-ħin opportun li nerġgħu nagħrfu s-saħħa tagħna biex niffaċċjaw kull sfida li nħabbtu wiċċna magħha, hi opportunita’ biex nagħmlu miri ġodda biex inkunu nistgħu nagħmlu l-ħajja ħafna aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.  

    Il-festi tal-aħħar tas-sena 2019 kienu tislima sabiħa sew għas-sena li għaddiet u merħba għas-sena 2020 li għada kemm tibda.  It-tiżjin eċċellenti li kellna din is-sena jirrifletti kemm is-sena li għaddiet kienet suċċess ieħor sew ekonomikament, sew soċjali u sew min-naħa tal-governanza.  

    Min-naħa tal-ekonomija kienet suċċess aktar mis-sena ta’ qabel.  Barra li l-ekonomija in ġenerali marret  aktar ‘il quddiem, sew in-negozji u sew il-ħaddiema marru tajjeb.  Dan joħroġ ċar mill-infieq tan-nies li kien forza qawwija biex l-ekonomija tikber u b’hekk il-ħaddiem kellu aktar x’jonfoq bħala konsumatur.  

    Fost il-ħaddiema l-aktar li marru tajjeb huma s-setturi ġodda bħal gaming.  Dawk iż-żgħażagħ li tħarrġu fl-oqsma l-ġodda mhux talli jinħatfu kif jispiċċaw l-istudji tagħhom iżda jibdew b’pagi għolja mal-ewwel.  Il-ħaddiema tal-gvern marru tajjeb biż-żidiet li ngħataw.  Fil-fatt il-pagi din is-sena reggħu telgħu.  Dan sar għax tant kibru dawn is-setturi li l-pagi żdiedu sempliċiment biex dawn is-setturi jibqgħu jżommu l-ħaddiema li għandhom.  

    Il-unions ukoll marru tajjeb speċjalment meta wieħed iqabbel kif kienu jiġu stmati mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.  Dak iż-żmien meta l-unions kienu qed jaraw x’għamlu biex il-ħaddiema li kellhom impieg ikunu jistgħu ilaħħqu mal-ħajja speċjalment wara li kien hemm iż-żieda esaġerata fil-prezzijiet tal-elettriku u tal-ilma, dawn sabu Gvern li ma kienx jagħti kashom.  Dan ma kienx biss mal-GWU iżda anki mal-unions li kienu jxaqilbu lejn l-istess Gvern.  

    Grupp ieħor li mar tajjeb kienu n-nisa li bl-opportunitajiet tal-impiegi u bl-għajnuna li ngħataw biex it-tfal jisgħu jitpoġġew f’Child Care Centres mingħajr spejjeż, setgħu jsibu mpiegi li jerġgħu jassorbuhom u b’hekk ikabbru d-dħul tal-familji tagħhom.

    Fattur ieħor li ma jissemmiex, iżda li hu realta’, kien li tneħħiet id-diskriminazzjoni politika minn fuq il-postijiet tax-xogħol li kienu jaqgħu taħt il-Gvern.  Fattur importanti hu li llum dawn l-entitajiet lanqas jekk iridu ma’ jistgħu jagħmlu diskriminazzjoni politika għax jispiċċaw mingħajr ħaddiema.  

    Is-sitwazzjoni soċjali wkoll marret tajjeb għaliex barra l-ħaddiema, il-gruppi l’aktar vulnerabbli marru tajjeb ukoll.  Hemm diversi setturi vulnerabbli.  Nitkellmu ċar, dawn dejjem ser jibqgħu għaliex l-effett tat-tibdil fis-soċjeta’ infisha ser joħloq gruppi ġodda.  L-istess is-suċċess fl-ekonomija joħloq gruppi vulnerabbli ġodda.  Eżempju tal-aħħar grupp huma l-kerrejja li kienu qed jiffaċċjaw sitwazzjoni prekarja ħafna.  Biss il-ġid ekonomiku ppermetta għajnuna lil dan is-settur ukoll. 

    L-anzjani din is-sena ser jieħdu l-akbar żieda fil-penzjoni li ħadu dan l-aħħar snin.  Fil-fatt l-anzjani qabel l-2013 tant kienu ilhom ma jieħdu żieda li kienu nsew li din tista’ tiżdied.  Dan barra l-fatt li lanqas meta kienu jingħataw iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, din lanqas biss kienu jieħduha kollha.  

    Grupp li mar tajjeb u li għad hemm prospetti biex is-sitwazzjoni titjieb hu dak ta’ nies b’xi diżabilita’.  Dan għaliex mhux biss qed jingħataw żieda fl-għajnuna soċjali, iżda ngħatatilhom id-dinjita’ għall-ewwel darba minħabba r-riformi li kienu saru biex dawk f’dan is-settur ikunu jistgħu jimpjegaw ruħhom.  B’hekk saru indipendenti u kisbu dinjita’ bħan-nies oħra.

    ‘Il fuq semmejt il-ħaddiema bħala konsumaturi.  Iż-żidiet fil-pagi li ħadu dan l-aħħar snin poġġewhom f’pożizzjoni li jistgħu jtejbu l-ħajja tagħhom u tal-familja tagħhom mingħajr ħafna problemi.  Dan minħabba l-ftehim kollettivi li saru li mhux biss iggarantixxu żieda immedjata iżda żieda fuq medda ta’ snin.  Biss l-akbar fattur li laqtet il-konsumaturi kien li mhux biss naqas il-prezz tal-elettriku iżda ġab ukoll stabilita’ fil-prezzijiet tal-gas.  Fil-fatt għalhekk li l-faqar fis-settur tal-enerġija reġa’ naqas.  Il-faqar f’dan is-settur kien tela’ minn 9% għall-23% fl-amministrazzjoni ta’ Gonzi.  Malta kienet wieħed mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li kellha l-akbar faqar f’dan is-settur.  Il-miżuri li saru fil-prezzijiet tal-enerġija reġgħu niżżlu din il-figura għal anqas minn 9%.

    Settur li ħa daqqa ‘l fuq kien dak tal-kultura.  Dawn l-aħħar snin in-nies bl-arti ġo fihom sabu opportunitajiet ġodda fejn mhux biss setgħu jesprimu il-ħiliet tagħhom imma kellhom ukoll iċ-ċans li jesperimentaw u b’hekk ikabbru dan il-qasam.

    Dawn l-affarijiet saru minħabba il-ħeġġa u l-innovazzjoni tal-Gvern li barra li kellu dawn il-karatteristiċi kellu żewġ affarijiet oħra.  Waħda minnhom hi li hemm mexxejja żgħażagħ fil-Gvern preżenti.  It-tieni hi li dan hu gvern kompost minn politiċi li għandhom professjoni aktar moderna.  Qabel il-Gvernijiet li kellna kienu dejjem dominati mill-avukati u b’hekk dejjem kellhom il-karatteristika ta’ konservatiżmu barra l-fatt li jaħsbu li jekk jirranġaw liġi jkunu solvew il-problema.  Jekk wieħed jara l-istorja tagħna dejjem ser isib li l-akar żviluppi fil-qasam ekonomiku u soċjali saru meta kellna gvernijiet tat-tip li għandna llum.  

    Dan ikun rifless ukoll fil-governanza għaliex l-emfasi dejjem tkun fuq il-liġijiet u mhux fuq tibdil fil-prattika li jġib aktar trasparenza.  Illum qed ningħataw l-impressjoni li dan il-gvern falla fil-governanza.  

    Personalment  nemmen li anki hawn kellna żviluppi kbar.  Jekk nieħdu s-settur tat-tenders, fil-gvernijiet preċidenti l-għoti tat-tenders dejjem kienu problema kbira u f’ħafna każi dejjem kienu jispiċċaw il-Qorti.  Bis-sistemi li daħħal dan il-gvern illum rari tisma’ li tender kellha tieqaf minħabba xi kwistjoni fl-għoti.  Illum tenders jieqfu minħabba bsaten fir-roti minn ċerti politiċi li kienu fallew speċjalment fil-qasam tal-governanza.  Il-fatt li din is-sena kien hemm żviluppi importanti fi qtil kien diġa’ suċċess.  Qabel kollox kien jibqa’ għaddej u jintefha taħt it-tapit.

    Min jikkritika dan is-settur qed jagħmel dan biex jieħu vantaġġ politiku.   Alla jbierek sħabna l-Ewropej dejjem baqgħu reqdin fil-passat.  Kien dan l-aħħar, minħabba t-tixwix ta’ ċerti Maltin, qed ipoġġu lil Malta mhux taħt attenzjoni iżda taħt mikroskopju mingħajr ma’ ħadd iħares lejn għabtu u mingħajr ma jqisu li reġgħu ġabuna kolonja. 

    Sew f’dan il-qasam u sew fil-qasam ekonomiku għad hemm lok ta’ żviluppi.  Fil-fatt allaħares ma kienx hekk għax l-affarijiet jistaġnaw bħal ma kienu staġnaw taħt amministrazzjonijiet ta’ qabel.  Fil-qasam tal-governanza għandna bżonn li l-avvanzi li saru biex insolvu qtil nużawhom biex ninvestigaw professjonalment skandli amministrattivi bħal kwistjoni taż-żejt jew l-għoti ta’ artijiet pubbliċi bis-soldi.

    Nemmen li fil-każ tal-governanza mhux liġijiet jew avukati biex jinterpretaw il-liġijiet għandna bżonn iżda nies fl-amministrazzjoni li barra li joħolqu sistemi ta’ effiċjenza u effettivita’ joħolqu wkoll it-trasparenza.  Fil-qasam ekonomiku mhux biss irridu nsaħħu l-oqsma ġodda li daħħalna, iżda rridu nsibu oqsma oħra biex l-ekonomija tkun tista’ tikber u ssostni l-iżviluppi li saru u l-ġid li qed jingħata liċ-ċittadini.

    Din is-sena ser ikollna Prim Ministru ġdid.  Minnu li mhux biss dawn l-affarijiet li semmejt qed nistennew iżda wkoll li jaħdem u jorganizza l-Gvern biex jara li isem Malta jitnaddaf mill-ħmieġ li ntefa’ fuqu minn min hu suppost ‘Malti’.  

    Possibli li nkomplu nkabbru l-ekonomija biex ikun hemm ġid biex inkomplu ntejbu l-ħajja tagħna l-Maltin?  Iva, possibli – jekk inkunu pożittivi.  Ħafna minn dawk li huma negattivi huma nies li daħħluha sewwa meta kienu fil-poter, u għalhekk iridu li l-ekonomija tmur lura biex jerġgħu jkunu fil-poter biex jaħtfu aktar.  

    Fuq kollox ejja indawru l-ħolm u l-ambizzjonijiet tagħna f’għanijiet  u ħidma biex ikollna futur ħafna aħjar.  

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0