MAĠĠORANZA SIEKTA

  • Jan 06, 2020 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    MAĠĠORANZA SIEKTA

    Qed jintqal ħafna diskors u jinkitbu ħafna artikli dwar kif “il-poplu” qam jipprotesta fl-aħħar ġimgħat. Bl-istess mod, smajna ħafna dwar kif qed naraw l-irxoxt tas-“soċjetà ċivili”.

    Issa hu minnu li l-ġrajjiet li seħħew riċentement, u li għadhom għaddejja, ixxkukkjaw lil ħafna. Minnu wkoll li kellna protesti sostnuti b’attendenza kbira. Prominenti fihom dehru ċittadini li ma kinux ikunu preżenti qabel bl-istess mod f’manifestazzjonijiet publiċi.

    Dan kollu imma ma joħloqx “poplu”. Xi ħadd imdaħħal fl-istħarriġ tal-opinjoni publika qalli li sa issa ftit hemm evidenza ta’ xi bidla qawwija fil-fehmiet politiċi tan-nies. B’hekk, ma jfissirx li dil-bidla ma tistax isseħħ. Ifisser li hemm qabża kbira bejn li tirrikonoxxi li nżammu protesti fit-toroq u tifhem li dawk li ħadu sehem huma ekwivalenti għall-poplu.

    Ħaġa possibbli hi li bosta ċittadini għadhom jistennew li joħorġu l-fatti kollha qabel jagħmlu xi ġudizzju politiku. Ma tlumhomx. 

    GWARDJA EKONOMIKA

    Kemm ilna li dħalna fl-Unjoni Ewropea, l-ekonomija tagħna kkonċentrat dejjem aktar fuq servizzi, u dan wara l-ewwel sentejn/tlieta fejn naqqsu, sakemm sabu niċċa li fiha setgħu jikbru. Sadattant, il-ħidma industrijali rtasset lura, żgur b’mod relattiv, imma ngħid jien, finalment, b’mod assolut ukoll.

    Ir-riżultat aħħari sa issa kien li r-rankatura li l-ekonomija ħadet fl-aħħar snin (sitta, sebgħa) kienet eċċezzjonali imma ġabitna niddependu dejjem aktar minn ħidma fraġili, li malajr tista’ togħsfor. Sitwazzjoni mhux wisq differenti fil-fatt għal raġunijiet differenti, mill-fabriki tal-ħwejjeġ li rrankaw fostna fis-snin sebgħin. Malajr ġew, malajr telqu.

    Dawk kellhom bżonn tliet snin biex jifdu l-investiment kapitali li daħlu bih. Fis-servizzi finanzjarji, m’hemmx investiment kapitali; daqskemm ġew malajr, jistgħu jitilqu aktar malajr.

    Tul is-sentejn li jmiss, hemm bżonn ta’ gwardja sostnuta fuq l-iżviluppi fl-ekonomija.

    TAĦRIĠ 

    Nafu li sar... u bir-raġun... emfażi fuq kif fl-investigazzjonijiet miżmuma dwar il-qtil oxxen tas-sinjura Caruana Galizia, intalbet u ntużat l-għajnuna ta’ forzi u esperti polizjeski Ewropej u Amerikani. Sew sar u hekk għandu jibqa’ jsir, skont il-bżonn.

    Li wieħed għandu jistaqsi hu jekk matul is-snin, taħt il-gvernijiet differenti, inżammx u baqax jinżamm taħriġ bla waqfien tal-aġenti tal-pulizija fl-aħħar teknoloġiji ta’ investigazzjoni.

    Ħaġa bħal din hi kruċjali. Mhux biss dwar it-traċċi tad-DNA li saru avvanzi kbar fl-isnajja ta’ kif il-kriminalità tiġi mistħarrġa – hemm oqsma oħra li wkoll baqgħu javvanzaw.

    Il-gvern għandu jassigura li l-pulizija ta’ Malta jkollha aċċess immedjat għal dawn it-teknoloġiji u taħriġ fihom biex ma jkollha tiddependi minn ħadd ħalli twettaq dmirijietha kif ninsab żgur, tixtieq tagħmel.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0