Kwalitajiet

  • Jan 09, 2020 09:04
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-aqwa kwalitajiet li għandna nistennew mill-Mexxej ġdid Laburista huma t-trasparenza, l-kontabilità u l-prudenza. Il-materji ta’ interess publiku ma jistgħux jitmexxew qishom kienu negozji privati. Veru li bil-mod kif fl-aħħar deċennji, is-servizzi publiċi ġew spezzettati f’korporazzjonijiet u aġenziji immudellati fuq il-privat, it-tendenza biex jitqiesu qishom kienu hekk, kibret. Mhux f’Malta biss imma kullimkien tista’ tgħid.

    Xorta waħda, dak li jsir fihom jappartjeni lill-poplu kollu u bi prudenza l-poplu għandu jkun informat fil-ħin dwar li jkun għaddej u r-responsabbiltajiet jittieħdu u jintrefgħu b’mod publiku. Veru li l-proċeduri antiki taċ-ċivil spiċċaw – ħafna minnhom – ta’ piż burokratiku, minħabba li nbidlu radikalment il-kondizzjonijiet li tfasslu għalihom.

    Imma l-għanijiet warajhom għadhom validi. U għadu sew li jintlaħqu.   Kif hemm bżonn, il-proċeduri għandhom jinbidlu imma mhux sempliċement jiġu abbandunati jew injorati u qisu ma ġara xejn. Min jinsab “fuq nett” imbagħad irid jassigura li l-kontabilità qed tiġi rispettata minn kulħadd. 

    ***

    OVVJA

    Kienet ħaġa ovvja li ħafna mit-temi tal-aħħar ġimgħat bħala “aħbarijiet” mill-midja mhux Laburista kienu magħżula bi skop – dak li jfixklu l-elezzjoni għall-Mexxej Laburista ġdid. Ovvja wkoll li l-midja Laburista għamlet mill-aħjar tagħha biex iżżomm linja dritta u imparzjali. Jidhirli li rnexxielha f’hekk.

    Lanqas ngħid li l-intenzjoni wara l-għażla tal-aħbarijiet u l-ispostament tagħhom kienet biex iwasslu għall-vantaġġ ta’ wieħed mill-kontestanti. Nemmen li kienet aktar iffokata fuq kif jistgħu dawn l-aħbarijiet, joħolqu xi konfużjoni jew dwejjaq fi ħdan il-Partit Laburista issa jew aktar ’il quddiem.

    Minkejja d-diżgwid tal-aħħar ġimgħat, ħafna għadhom jemmnu li xorta waħda, l-PN ma jistax joffri sfida politika serja lill-PL. Biex dan jiġri, tal-aħħar l-ewwel irid jiddgħajjef. Bil-konfużjoni jew dwejjaq li xtaqu joħolqu, kienu jkunu taw pass f’din id-direzzjoni.

    *** 

    STENNIJA

    Fl-istennija għall-għażla li se ssir dal-weekend fil-Partit Laburista ltqajt ma’ ħafna veterani li jiftakru ħafna żminijiet oħra. Wieħed minnhom saħansitra għadu jiftakar bħala memorja mbiegħda ħafna ta’ meta kien tifel, l-isfida li kienet qamet bejn il-perit Mintoff u t-tabib Boffa lejn l-aħħar tas-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor u wasslet għall-famuża – jekk dik hi l-kelma t-tajba – split fil-PL.

    Il-ħidma biex tiġi organizzata l-elezzjoni f’forma ta’ kungress tal-membri kollha ttesserati fil-Partit hi ħafna aktar komplikata minn tal-imgħoddi, meta jivvotaw biss kienu d-delegati. Tirrekjedi wkoll ħafna aktar xogħol.

    Biss kumment kurjuż kien dan: Meta tiġi għall-ħidma intensa li trid il-ħin, ħafna ħin, biex l-affarijiet tassew isiru bil-galbu, bħala voluntiera dedikati l-aktar li ssib huma l-veterani. Iż-żgħażagħ aktarx jibqgħu lura. Tgħid veru?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0