Pawsa

  • Jan 13, 2020 08:03
  • Miktub minn Alfred Sant

    BLOG... INEWS

    ALFRED SANT...

     

    Dawk li jappoġġjaw lill-Partit Laburista jridu jifhmu issa li hemm bżonn ta’ pawsa. Żmien ta’ kwiet u attenzjoni sakemm il-Prim Ministru u Mexxej Laburista ġdid Robert Abela jissettja l-programm ta’ ħidma tiegħu u jieħu l-ewwel deċiżjonijiet li jinsabu quddiemu.

    Matul daż-żmien, m’għandu jkun hemm l-ebda lok għal talbiet u esiġenzi partikolari jew personali. L-aqwa interess hu dak tal-pajjiż u tal-Partit Laburista. Jirrekjedi li wara l-burraxki tal-aħħar ġimgħat u l-kampanja interna dwar it-tmexxija tal-Partit, il-bniedem magħżul ikun jista’ jaġixxi bi trankwillità, minkejja l-għeja fiżika li – ma jistax jonqos – ikun qed iħoss.

    Ninsab konvint li se jkun aktar minn imħejji biex jilqa’ għall-isfidi tal-bidu. Biss ma jagħmel l-ebda sens li ngħabbuh b’distrazzjonijiet inutli f’dan l-istadju. Ovvja li l-avversarji tal-PL se jieħdu t-triq opposta. Żgur allura li wieħed m’għandux jagħtihom palata billi jġib ruħu b’xi mod li jkun nieqes mill-prudenza politika daqstant meħtieġa bħalissa.

    ***

    KLIEM ŻEJJED

    Matul is-snin, il-prattika tal-politika tgħabbiet b’wisq kliem żejjed. M’inix qed naħseb biss f’Malta. Anzi f’pajjiżi ħafna akbar minna fejn wieħed jistenna aġir aktar sofistikat minn tagħna, x’aktarx li l-mexxejja ewlenin jgħaddu lill-aktar kelliema bla kantunieri ta’ pajjiżna fl-esaġerazzjoni ta’ diskorshom.

    Biżżejjed wieħed jiftakar fit-tweets dejjem għaddejja tal-president Trump jew ta’ Matteo Salvini fl-Italja... imma mhux fihom biss.

    Jintqal li l-midja “soċjali” fetħu pajżaġġ sħiħ għal din il-ferneżija ta’ kliem... żejjed: m’hemmx mod ieħor kif tiddeskrivih. Imma inkwetanti aktar mill-fatt li Ċikku l-poplu qed jintelaq għal dat-tip ta’ diskors’ hu l-fatt li meta politiċi ewlenin jagħmlu l-istess ħaġa, jidher li qed jiggwadanjaw politikament.

    ***

    GHOSN

    Rajt il-konferenza stampa “formali” sħiħa tiegħu fuq CNN u t-tieni parti fejn irrisponda għall-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti li ġew għaliha mid-dinja kollha fuq you tube. Carlos Ghosn kien impressjonanti. Eks-kap ta’ waħda mill-akbar kumpaniji tal-karozzi fid-dinja, in-Nissan-Renault, li kemm dam imexxiha kisbet suċċessi enormi; mixli li bagħbas bil-kbir fil-fondi tal-kumpanija u miżmum arrestat għal xhur twal fil-Ġappun; maħrub minn hemm u “refuġjat” fil-Libanu li tiegħu hu wkoll ċittadin.

    Matul il-konferenza, Ghosn għal kważi siegħa u nofs tkellem b’ħerqa liema bħalha, b’mod konvinċenti, biex jispjega l-każ tiegħu... Skont hu, ma kien se jkollu l-ebda ċans jagħmel hekk quddiem il-ġustizzja Ġappuniża (li laqqamha “inġustizzja”). Kien elokwenti bl-Ingliż, Franċiż, Għarbi u Portugiż.

    Ghosn ħejja ruħu sew għal din il-wirja, li tatu ċans fl-aħħar jiddefendi ismu quddiem il-midja tad-dinja. Ma nistax nikkonkludi huwiex ħati jew le tal-akkużi li sarulu imma nerġa’ ngħid, ta wirja impressjonanti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0