BILANĊ

  • Jan 16, 2020 08:00
  • Miktub minn

    Bħal f’kollox li għandu x’jaqsam mat-tmexxija ekonomika u soċjali, irid jinżamm bilanċ: bejn il-ġdid u t-tradizzjonali; bejn żgħażagħ u anzjani; bejn ftuħ lejn nies u ideat li qabel kienu jibqgħu “barra”, u qrubija ma’ nies u ideat li dejjem kienu “ta’ ġewwa”.

    L-ebda soċjetà ma tista’ tibqa’ stabbli u sħiħa jekk kull ħaġa li twettaq issir bi spirtu ta’ avventura. Madankollu soċjetà titmermer u tinkalla jekk kull ma tagħmel hu li tibqa’ tirrepeti l-istess formoli u litaniji.

    Id-differenzi bejn mexxejja jintgħarfu minn kif u fejn iżommu dal-bilanċ meħtieġ – jekk l-għażla tagħhom tegħlibx lejn iż-żgħażagħ jew lejn l-anzjani, jew jekk ifittxux bilanċ totali... eżattament “fin-nofs”...  bejn iż-żewġ għażliet.

     

    ***

    UGWALJANZA 

    Fil-ġlieda għall-ugwaljanza bejn is-sessi, l-aqwa sfida qed tkun mhux fir-riforma tal-liġijiet imma f’kif fil-prattika, titwettaq l-ugwaljanza. Fil-qasam tal-impjiegi, jidher ċar ngħidu aħna li ġeneralment in-nisa għadhom qed jitħallsu anqas mill-irġiel għall-istess xogħol.

    X’inhuma l-mekkaniżmi materjali u soċjali li wasslu għal dar-riżultat? Kif jistgħu jinbidlu u jinqalbu?

    Għad m’hemmx tweġibiet ċari u effettivi għal dawn il-mistoqsijiet. Għalhekk għandu jibqa’ jsir kull ma hu possibbli biex id-differenzi li baqgħu jeżistu jiġu ffaċċjati b’mod konkret. Għal kull diżugwaljanza li għadha fis-seħħ, hemm raġuni partikolari u trid tiġi indirizzata b’mod partikolari. 

    Hu probabbli wkoll li f’numru sostanzjali ta’ każi, se jinstab li hemm raġunijiet jixxiebhu li jaħtu għalihom. Jibqa’ l-punt: is-soluzzjonijiet iridu jinstabu mhux biss bil-gwida tal-liġijiet u regolamenti, imma b’miżuri konkreti li jidħlu fis-seħħ skont iċ-ċirkostanzi tal-postijiet tax-xogħol involuti.

     

    ***

    HOMO SAPIENS

     

    Domt ftit biex nasal sat-tmiem tal-ktieb ta’ Yuval Noah Harari “Homo Sapiens” għax bqajt inħalli l-qari tiegħu għall-aħħar parti tat-tijiriet lura lejn Malta. Jixraqlu t-tifħir li qala’ meta ħareġ għax minn storja riflessiva ta’ kif żviluppat u nbidlet il-ħajja tal-bniedem matul is-sekli u l-millenji, jislet konklużjonijiet li jitfgħu dawl x’aktarx ġdid fuq kif sirna dak li sirna.

    Ingħid għalija, l-aktar waħda li sibt qawwija kienet dik li l-bniedem hu annimal distruttiv: kull fejn resaq, wassal għall-qerda ta’ speċje sħaħ ta’ annimali oħra. Kont naħseb li dal-fenomenu seħħ f’okkażjonijiet rari, bħal per eżempju fl-Amerika ta’ Fuq, meta l-“bojod” qatlu, anzi qerdu għal kollox, il-miljuni ta’ bovini li kienu jirgħu fil-pjanuri tal-“Punent”. 

    Imma le, Harari juri kif l-istess ġara kull fejn resaq il-bniedem... u għadu qed jiġri sal-lum.

    Harari għandu ħafna xi jgħid dwar il-bniedem u t-teknoloġija. Lejn l-aħħar tal-ktieb jiddiskuti kif il-bniedem iġarrab l-hena, li suppost titqies bħala l-aqwa għan tal-eżistenza. Interessanti. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0