Il-Ġrajjiet f’Jannar

  • Fra 12, 2020 07:50
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Ix-xahar ta’ Jannar kellu erba’ ġrajjiet interessanti.  Fost dawn kellna Prim Ministru ġdid.  L-elezzjoni għall-mexxej ġdid ta’ partit kienet interessanti.  L-elezzjoni kienet interessanti għaliex kienet estensjoni tad-dritt taċ-ċittadini li jagħżlu lil min iridu jmexxijhom.  Is-soltu jkunu rappreżentanti li jagħmlu l-għażla. 

    Dan it-twessiegħ ta’ dan id-dritt isaħħaħ ukoll lill-partiti politiċi għaliex permezz ta’ dan it-twessiegħ, iċ-ċittadini jittendu li permezz tas-sħubija tagħhom f’partit politiku qed ikollhom sehem importanti fl-għażla tal-mexxejja tal-pajjiż.  Il-partiti jmorru tajjeb għaliex dan jgħin sew fil-finanzi tal-partit. Dan jagħti aktar indipendenza lill-partit għaliex ma jkun marbut ma’ ħadd biex isostni lilu nnifsu.  Barra minhekk dan iressaq in-nies lejn il-partiti sabiex dawn ta’ l-aħħar ikunu aktar sensittivi għall-aspirazzjonijiet u l-ħtiġiet taċ-cittadini. 

    Biss dan it-twessiegħ tad-demokrazija jkun effettiv biss jekk sew dawk li jieħdu sehem u dawk li ma jieħdux sehem fl-għażla, jaċċettaw ir-riżultat.  Jekk dawn, l-aktar in-nies influwenti fil-partit, ma jaċċettawx dan, juri li l-partit jemmen fid-demokrazjia biss bil-paroli u mhux bil-fatti.

    L-għażla tal-mexxej tal-Partit Laburista kienet suċċess għax mhux talli l-elezzjoni mxiet tajjeb, iżda r-riżultat ġie aċċettat.  Dan wera li l-Partit Laburista jemmen fid-demokrazija.  Dan it-test ma kienx l-ewwel darba.  Niftakar fiż-żminijiet tmenin meta l-Partit Laburita kien ilu jmexxi l-pajjiż għal żmien twil u ċerti nies u gazzetti bdew idaħħlu dubju jekk il-PL jitlef l-elezzjoni hux ser jitlaq il-poter minn idu.  L-elezzjoni l-PL tilifha u mal-ewwel, mingħajr problemi, ħareġ mit-tmexxija tal-pajjiż biex jiggverna l-Partit Nazzjonalista. Dan kien turija ta’ kemm il-PL jemmen fid-demokrazija u kemm numru ta’ nies jippruvaw idawru kollox kontra l-PL.

    Il-kampanja tal-mexxej il-ġdid kienet interessanti.  Ir-raġuni hi li ż-żewġ kandidati għamlu kampanja simili għal dik ta’ elezzjoni.  Iż-żewġ kandidati mhux biss għamlu laqgħat organizzati man-nies iżda wkoll kellhom proposti – proposti li filwaqt li kienu jaqgħu taħt il-programm elettorali kienu jespandu ċerti oqsma li kull wieħed kien jara importanti.  Ħaġa li ħarġet kienet, li minkejja li ż-żewġ kandidati kienu qed jikkompetu ma’ xulxin, ħadd minnhom ma kkritika lill-ieħor.  It-tnejn ippruvaw joħorġu l-aħjar tagħhom.  Din kienet xi ħaġa ġdida fl-elezzjonijiet li jsiru f’Malta għaliex ftit niftakar okkażjonijiet fejn iż-żewġ naħat li jkunu qed jikkompetu ma’ xulxin ma jattakkawx lin-naħa l-oħra. 

    Kien hemm aspett ieħor li ħareġ.  Dan kien li ħadd ma jista’ jkun ċert mir-rebħa.  Fil-fatt, kien il-kandidat li baqa’ bil-kampanja sal-aħħar u li kellu l-kampanja tintensifika lejn it-tmiem li rebaħ minkejja li fil-bidu l-indikazzjonijiet kienu mod ieħor.  Dan juri li fil-politika siegħa tista’ tibdel l-ambjent kollu.

    L-ewwel deċiżjonijiet tal-gvern taħt il-Prim Ministru ġdid ħasdu ħafna nies speċjalment dawk Laburisti.  Kulħadd kien jistenna li taħt Robert Abela l-kabinett kien ser jibqa’ l-istess.  Li ħasdu lil-Laburisti ma kienx it-taqlib tal-Ministeri iżda li żewġ membri tal-Kabinett tilfu posthom minkejja x-xogħol li kienu wettqu.

    Din kienet l-ewwel ħasda, għax ftit jiem wara kien hemm żewġ ħażdiet oħra.  L-ewwel waħda kienet ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija minkejja li waqt ir-riżenja ngħad kemm għamel x-xogħol siewi li Kummissarji oħra qablu m’għamlux.  Mill-kliem li ngħad kien jidher ċar li kieku l-Kostituzzjoni kienet tippermetti anki l-Avukat Ġenerali kien ‘jirreżenja’. 

    Dan ġab rabja fil-Laburisti għaliex kien jidher ċar li qiesu l-gvern mhux il-programm tal-Partit Laburista kien qed imexxi iżda l-programm tal-iddisprati, il-faċċoli u dawk li jridu jerġgħu jieħdu l-poter akkost li jagħmlu ħsara lil Malta.  Din ir-rabja kompliet tiżdied meta rriżenjat il-Ministru għal Għawdex mhux għax għamlet xi ħaġa ħażina hi jew kien hemm xi suspett fuq ħidmietha jew imġibitha iżda minħabba li membru tal-familja tagħha mar jara logħba futbol ma’ negozjant li hu mdaħħal f’investigazzjoni serja. 

    Lil-Laburisti din ir-riżenja kabbret ir-rabja għaliex kienet waħda mill-aħjar Ministri sew għal Għawdex u anki meta serviet Malta.  Dan barra l-fatt li din il-persuna ma kellha x’taqsam xejn, la direttament u lanqas indirettament, max-xogħol tagħha. 

    Għalija din ir-riżenja qajmet żewġ punti.  L-ewwel hi, issa ser nibdew nistennew li min qiegħed fil-ħajja pubblika jrid jiggarantixxi li l-familjarji tiegħu jimxu b’korrettezza mija fil-mija?  Naħseb li nkunu qed nesaġeraw.  Dan barra l-fatt li dan imur kontra l-prinċipju li jien għandi niġġudika lil xi ħadd fuq il-ħiliet tiegħu u imġibtu u mhux tal-familja tiegħu.  Tkellimna ħafna fuq li mara mhiex estensjoni tar-raġel.  Barra minhekk irridu niftakru li aħna pajjiż żgħir u l-għażla tan-nies hi limitata. 

    It-tieni punt, din il-korrettezza ser nippretenduha minn dan il-gvern biss jew mill-gvernijiet oħra li jiġu fil-futur?  Jekk qed nippretendu dan, ser ikun hemm xi liġi, jew xi ħaġa fil-Kostituzzjoni, biex niggarantixxu dan?  U fuq kollox, dan ser nippretenduh minn gvern biss, jew minn kull min għandu pożizzjoni pubblika?  Dawn l-affarijiet iridu jkunu ċċarati għax inkella ser jinħoloq żbilanċ bejn ċertu nies li jridu jkunu puri aktar mill-verġni u oħrajn li jkunu ‘l fuq minn dan kollu.

    Tħabbar ukoll li ser ikun hemm metodi ġodda biex jinħatru sew il-Kummissarju tal-Pulizija u sew l-Imħallfin u l-Maġistrati.  Fuq tal-ewwel, il-gvern ħareġ bil-proposti tiegħu li jidhru li jaqblu sew mal-istandards internazzjonali barra li huma prattiċi.  L-Oppożizzjoni qed titlob li l-Kummissarju jkollu maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jinħatar.  Personalment ma naqbilx għax mhix prattika u għaliex hu kważi impossibli li jkun hemm qbil b’dan il-mod. Barra minhekk nemmen li l-Gvern irid ikollu sehem importanti għaliex hu ser ikun responsabbli.  Jekk il-Gvern mhux ser ikollu dan, allura m’għandux ikun responsabbli.  U jekk jiġri hekk, min ser ikun responsabbli? 

    Min hu tal-eta’ tiegħi jiftakar fi żmien Mintoff meta De Gray ħass li hu ma jieħux ordnijiet mill-Prim Ministru iżda mill-gvern Ingliż.  Kien ser ikollna gvern li ma kienx ser ikollu l-abbilta’ li jiggverna f’qasam daqshekk importanti. 

    Il-metodu tal-għażla tal-ġudikatura għadu ma tħabbarx, biss jien nistaqsi jekk il-metodu li għandna mhux tajjeb, dan ifisser li l-ġudikatura preżenti ser tinbidel biex tkun konformi mal-metodu l-ġdid?  Jew inkella, dawk magħżula bil-metodu l-antik ser jibqgħu hemm minkejja li qed ngħidu li l-metodu li bih ġew maħtura l-gudikanti preżenti mhux tajjeb. 

    Għalhekk l-ewwel ktibt li ċerti nies li llum iridu li kulħadd ikun pur huma faċċoli.  Dawn qatt ma ikkritikaw lil ħadd fl-imgħoddi.   Tgħid għaliex?  Faċli, għax kienu parti mis-sistema u kienu qed idaħħluwa sew. L-istess l-UE, qabel qatt ma tkellmet xejn minkejja li kellna l-istess liġijiet.  Mhux talli hekk, talli approvatohom meta ikkonsidrat l-applikazzjoni ta’ Malta biex tkun membru fl-UE.

    Kien hemm proposta biex il-media tal-partiti tispiċċa.  Tista’ tobsor minfejn ġiet.  Mis-sidien ta’ stazzjon li l-popolarita’ hi baxxa u għandha tendenza li tiċkien.  Jekk tagħti daqqa t’għajn u tqabbila ma’ pajjiżi oħra, taraha stramba li l-istampa f’Malta hi dominata minn tlett istituzzjonijiet – iż-żewġ partiti politiċi u l-Knisja.  Dawn mhux biss il-media jiddominaw, iżda tista’ tgħid kull aspett tal-ħajja ta’ ħafna Maltin. 

    Għidt ‘ta’ ħafna Maltin’ għaliex dan kollu jiddependi kemm int influwenzat mill-media u kemm int lest li timxi mal-mewġ.  Hemm nies li ma tantx huma influwenzati ħafna.  Qed ngħid hekk għaliex kulħadd hu influwenzat xi naqra.  Biss kemm tkun influwenzat jiddependi minnek. 

    Dan iressaqni għal punt importanti.  Hi stramba li aħna influwenzati minn dawn it-tlett istituzzjonijiet?  Ma naħsibx.  L-ewwel ħaġa, dawn huma l-karatteristiċi ta’ soċjeta’ żgħir fl-ammont ta’ nies. F’soċjeta’ żgħira bħal tagħna, il-piki huma importanti għax inkella l-ħajja tkun monotona ħafna.  Hu għalhekk li nsibu żewġ partit politiċi, żewġ baned f’ħafna bliet u rħula, mill-anqas żewġ festi f’kull post jekk mhux f’kull knisja. U l-istess insibu fil-politka.

    Nerġgħu niġu għall-media tal-partiti politiċi.  Personalment inħoss li aħna għandna vantaġġ.  Ir-raġuni hi li int taf, meta tkun qed tisma’ radju jew tara programm fuq it-televixin min hu wara l-istazzjon.  Meta int tara jew taqra xi ħaġa li suppost hi indipendenti ma tafx.  Għidt suppost indipendenti għaliex ħadd ma hu indipendenti.  Kulħadd għandu l-fehmiet tiegħu mhux biss politiċi iżda anki reliġjużi.  Personalment aktar nafda lil dak li jgħidli mal-ewwel x’jemmen milli lil dak li jgħid li hu indipendenti u ma jsemmu xejn dwar min huma u x’inhuma ix-xaqlibiet tagħhom.

    Kien hemm ukoll il-kontroversja tal-karru tal-karnival li ffoka fuq il-problema ta’ abbużi minn reliġjużi fuq tfal.  Hi tal-mistħija li Malta hu l-uniku pajjiż li għadna naħarbu mir-responsabbilta’.  Fil-fatt l-aktar ħaġa li laqtitni hi l-kummenti tal-Arċisqof li qiesu qed jgħid li hu m’għandu l-ebda responsabbilta’ għal dak li ġara u li jistgħu l-qassisin.  Kull kap għandu responsabbilta’ li jerfa’ u jġorr il-piż ta’ dak li jiġri fl-organizzazzjoni tiegħu.  Dan barra li hu obbligat li mhux joqgħod jistenna li tinqala’ xi problema biex jieħu passi, iżda għandu d-dmir li joħloq sistemi biex jassigura li kollox miexi sew. Il-Knisja mhux eċċezzjoni u għalhekk l-Arċisqof irid iġorr din ir-responsabbilta’.

     L-aħħar ħaġa.  Id-deċiżjoni tal-qorti li ddeċidiet li jekk ma tippermettix lin-nies iwaħħlu affarijiet ma’ monumenti, tkun qed tikser id-dritt tal-liberta’ tal-espressjoni.  Deċiżjoni, li tista’ tkun legali, biss mhix ġusta.  Dan għaliex kull liberta’ ta’ individwu hi limitata mill-liberta’ ta’ ħaddieħor.  Dan barra l-fatt li ma jfissirx li għax xi ħaġa hi pubblika, kulħadd jista’ jagħmel li jrid.  Allaħares nibqgħu sejrin hekk, għax ser nispiċċaw bħal ma konna fis-sittinijiet fejn kulħadd kien iwaħħal dak li jrid ma’ kull bini pubbliku u f’kull elezzjoni konna nsibu li kull post pubbliku hu mgħotti minn posters tal-partiti politċi u kandidati.  Xi ħaġa li Gvern Laburista, b’sens ċivili, kien neħħa u li l-poplu kien jaqbel ma’ din id-deċiżjoni. 

    Nispera li issa meta xi grupp ieħor jew persuna twaħħal xi ħaġa ma’ xi monument, ma jittiħdux passi kontriha.

    Minkejja dawn il-ġrajjiet kollha u ħafna protesti fuq is-saltna tad-dritt, ma smajtx li saru xi protesti għaliex nies li aggredew il-pulizija ġew ikkundannati b’mod aħrax filwaqt li meta wieħed minn dawk li suppost qed jipprotestaw biex ikun hawn is-saltna tad-dritt agredixxa lill-pulizija ħelisa ħafif.  Indikazzjoni ċara li dawn in-nies mhux biss iqisu ruħhom ‘l fuq mill-liġi, imma anki l-awtoritajiet qed iqisuhom hekk.

    Kellhom effett dawn il-ġrajjiet fuq is-sitwazzjoni politika?  Fuq il-Partit Laburista ma tantx jidher li kellu effett għaliex l-aħħar survey juri li l-vantaġġ politiku li kellu hemm baqa’.  Nistgħu ngħidu l-istess fuq il-PN?  Ma naħsibx.  L-avalanche li għaddej minnu il-PN bħalissa hu prova li l-effett li kellhom dawn il-ġrajjiet fuq dan il-Partit kienu diżastrużi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0