Waqt żjara dan l-aħħar fil-Birgu, kkonvinċejt ruħi li fl-aħħar ir-rota hemm qed tibda ddur. Il-moll għall-jottijiet, bin-nies li jġib miegħu, qed jistimola investiment ġdid aktar ’il ġewwa fil-belt. Żort żewġ stabbilimenti separati fejn qed jitlestew faċilitajiet moderni u tassew jilqgħuk. B’hekk il-Birgu jkompli jimtela’ ħajja u attività. Minn hemm nistenna li dawn ikomplu jinfirxu lejn Bormla u l-Isla. L-ewwel mal-ġenb tal-baħar u mbagħad lejn iċ-ċentri tal-ibliet.
Minn dejjem qiest li t-Tliet Ibliet flimkien mal-Kalkara setgħu jkunu mekka turistika li tipprovdi lill-abitanti b’mezzi ġodda ta’ għajxien. Għalhekk kellhom jinbnew mollijiet għall-jottijiet. Domna wisq biex din il-ħidma tirranka. Jaqbel li nibqgħu nixprunawha ’l quddiem.
F’każ hekk, it-test tan-nar dwar jekk proġett hux jirnexxi, hu billi miegħu jfaqqsu “waħidhom” proġetti privati ta’ investiment li jrendu. Il-Birgu jidher li ssupera dan it-test. Biss ukoll, irid jingħata ħsieb għall-ħtieġa li mill-ħidma l-ġdida jgawdu wkoll – u sew – in-nies tal-post.
TIĠIEĠ
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li twaqqaf ħesrem programm finanzjarju li kien ilha tħaddem bħala parti mill-politika dwar biedja tal-Unjoni Ewropea. Kienet tagħti sussidji lil esportaturi Ewropej ta’ tiġieġ tal-friża mibjugħa fil-Lvant Nofshani.
Jirriżulta li żewġ fabriki Franċiżi biss kienu jgawdu minn din l-għajnuna. Is-sena li għaddiet bejniethom irċevew minn Brussell xi 70 miljun ewro. Il-gvern Franċiż xejn ma ħa gost b’li ddeċidiet il-Kummissjoni. Ipprotesta bil-kbir.
U jien ftakart f’kemm-il darba qalulna hawn Malta li żmien is-sussidji fuq il-biedja u l-industrija spiċċa għax imkien, la fl-Ewropa u lanqas barra minnha m’għadhom jintużaw. Qalulna hekk dwar trobbija tal-majjal, tat-tiġieġ u dwar ma nafx liema aktar xogħol li kien isir f’Malta. Ta’ bravi li aħna, ma qgħadniex nistennew sa Lulju 2013 biex inneħħu s-sussidji fuq prodotti Maltin tal-biedja u tat-trobbija tal-bhejjem.
ĠOSTRA
Kont insejt li għadu sport segwit fostna. Għall-ġostra, arblu jindilek bix-xaħam, ipoġġu bandiera jew xi dendila oħra fit-tarf tiegħu, imejluh fuq il-baħar, u żgħażagħ jixxabbtu miegħu biex jitilgħu sal-bandiera. Kważi kollha, wara li jkunu għamlu l-passiġġata tagħhom fuq l-arblu – ta’ min kbira, ta’ min żgħira – jispiċċaw jiżolqu ġol-ilma.
Ġimgħa ilu rajt il-ġostra li għadha ssir l-Imsida għall-festa ta’ San Ġużepp. Niftakarha minn snin twal ilu meta missieri ġieli kien jieħu lil ħija u lili narawha. Bħal f’dak iż-żmien, folla mdaqqsa kienet inġabret. Il-ġostra għadha parti sħiħa miċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fl-Imsida.
U bħal f’dak iż-żmien ukoll, sakemm domt hemm, ma rnexxilix nara raġel wieħed jasal sat-tarf. Imma kulħadd kien qed jieħu gost.
alfredsant.org
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.
anonimu
Lul 25, 2013Bi ftit iktar incentivi lill-privat tal-post, tal-Birgu stess, il-Birgu jkun isbah ghaliex f'dan il-lokal hemm hafna 'sense of belon
Irrispondi