Il-Belt

  • Aww 05, 2013 16:41
  • Miktub minn

    Jekk billejl, ngħidu aħna wara l-għaxra meta ħafna toroq ikunu vojta, timxi ma’ ċerti żoni tal-belt Valletta, kif ħabib u jien għamilna fi tmiem il-ġimgħa, tinduna kemm baqa’ xi jsir biex tassew il-kapitali ta’ pajjiżna terġa’ tinġab ġojjell, kif jistħoqqilha tkun. Wara l-knisja ta’ San Duminku (li kellhom il-festa), u lejn Marsamxett, xibka ta’ toroq ġmiel tagħhom jistennew l-iżvilupp.

    Tara bankini mifqugħa jew imkissra, uċuh ta’ toroq kollha ħotob, djar vojta jew mitluqa... Dawk li jgħixu f’dawn l-inħawi jixirqilhom aħjar. Nitkellmu ħafna dwar id-daħla tal-Belt fejn inbniet dik il-mostrożita ta’ “Parlament” à la Piano, u fejn mid-dehra bla ma ħadd qalilna, fl-aħħar snin tal-UNESCO kienu qed jitħassbu li se tħassar il-karattru uniku tal-belt. U sew nagħmlu li din il-ħaġa nagħtuha importanza.

    Imma ma rridux ninsew l-anqas dik li jien insejħilha n-naħa ta’ isfel tal-Belt li tagħmel parti wkoll mill-karattru uniku tagħha u fejn għad jista’ jsir ħafna.

    MINUTI

    Il-Bank Ċentrali Ewropew se jibda jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-bord tiegħu. Deċiżjoni tajba. B’hekk, kull min jinteressa ruħu fl-operat importanti tal-Bank, bħala l-gwardjan tal-ewro, jista’ jassiguru ruħu/ruħha li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu wara kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha ta’ xi siwi. Il-Bank Ċentrali Amerikan, il-FED, ilu s-snin jagħmel l-istess ħaġa.

    Forsi wieħed jista’ jitlob li l-Bank Ċentrali ta’ Malta jibda jagħmel l-istess. Niddubita kemm bidla bħal din ikollha ikollha xi tifsira reali. Mindu l-ewro saret il-munita tagħna, il-Bank Ċentrali ta’ Malta mhux aħjar minn fergħa tal-Bank Ċentrali Ewropew. Jagħmel biss dak li jgħidulu minn Frankfurt.

    Terġa’, il-Bank Ċentrali Malti ma tantx għandu rekord favur it-trasparenza. Meta fi żmien il-gvernatur ta’ qabel tal-lum, issuġġerejt li l-Bank Ċentrali jippubblika l-mudell tal-ekonomija Maltija li juża biex jagħmel it-tbassir tiegħu, is-suġġeriment kien injorat għal kollox.

    MATTIA PRETI

    Ħaqqha prosit id-direzzjoni editorjali tal-ġurnal “il-mument” għas-suppliment li ħarġet fit-tieni nofs ta’ Lulju “Mattia Preti, Ħajtu u Wħud mill-aħjar xogħlijiet tiegħu f’Malta (1613 – 1699),”. Il-ktejjeb hu preżentat b’mod attraenti u informattiv, fih riproduzzjonijiet ta’ kwalità ta’ pitturi ta’ Preti u ngħata format oriġinali. Mill-pletora ta’ magazines, pjuttost ripetittivi, li saru jitqassmu mal-ġurnali tal-Ħadd, dan is-suppliment jispikka qatigħ mill-kontenut u mill-istil.

    Mank li bis-saħħa ta’ “Mattia Preti” tqum issa kompetizzjoni bejn il-ġurnali tal-Ħadd biex joħorġu supplimenti li jisbquh. Veru li l-ġurnali kollha jinsabu quddiem diffikultajiet finanzjarji. Imma meta ma kinux hekk? Forsi l-mod kif jistejqru hu billi fost affarijiet oħra, jikkonċentraw fuq proġetti ġodda ta’ kwalità.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 4

  •  
    anonimu
    Aww 06, 2013

    Proset u grazzi ta l-interes li urejt lejn il Kapitali Taghna il Mal

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Aww 06, 2013

    Naqbel mieghek Dr Sant. Il Hadd attendejt ghal festa ta San Duminku wkol, u l istess osservajt bhalek. Hemm certa telqa li ma jixraqx lil Belt kapitali taghna

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Aww 06, 2013

    Naqbel hafna fuq il kumment fuq il-Belt

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Aww 06, 2013

    Dwar il-Belt, naħseb li jekk nużaw Bieb il-Belt ma nkunux qrib is-sewwa. Naħseb li Xaqq il-Belt huwa aktar f'waqtu wara l-froġa li saret. Rigw

    Irrispondi