Irridu nimxu ’l quddiem

Dawn l-aħħar ġimgħatejn kienu l-aktar diffiċli għal min, bħali, dejjem kellu lill-Malta u lill-Partit Laburista għal qalbu. Ħafna qed jgħidu li qed iħossuhom f’limbu. Hemm oħrajn li huma rrabjati. Jien l-ewwel waħda għidt li nħossni rrabjata u ttraduta. Kien is-sentiment onest tiegħi. Kien hemm min ma ħax gost li għidt hekk. Imma iva, ħassejtni ttraduta u bħali ħafna oħrajn, għax fis-snin kollha li għamilt fil-Partit Laburista, dejjem tgħallimt li tidħol fil-politika biex tgħin lill-ħaddiehor b’mod ġenwin, u mhux għal gwadann personali.

Fix-xogħol kollu tiegħi, dejjem ħdimt b’ħilti kollha biex nagħmel isem tajjeb lil Malta b’kull mod u emmint li kont qed nipproteġi lil pajjiżi kontra kritika inġusta. Ir-rabja li nħoss meta pajjiżna jkun ikkalpestat hija enormi, għax naf li aħna pajjiż żgħir li niddependu fuq ix-xogħol tagħna u r-reputazzjoni tagħna.

Nhar il-Ħamis iddeċidejt li ma nikkontestax għal Mexxej tal-Partit Laburista. Ma kinitx deċizjoni faċli. Kien hemm eluf ta’ persuni li bgħatuli s-sostenn tagħhom u qaluli li jemmnu fijja. Naf li kelli ħafna appoġġ minn nies li wkoll dejjem emmnu fil-valuri tal-Partit Laburista. Nies li għandhom familja u li jridu jaħdmu biex jgħajjxuha.  Nies li jiddependu minn pajjiż stabbli biex, huma u l-familji tagħhom jimxu’l quddiem.

Ħadt id-deċiżjoni li ma nikkontestax, irrelevanti minn kwalunkwe ftehim li seta kien jew ma kienx hemmx. M’għandi l-ebda obligazzjoni lejn ħadd u ħadd m’għandu l-ebda obligazzjoni lejja, għax dejjem hekk ħdimt fil-politika. Dejjem ħadt id-deċiżjonijiet li naħseb li huma l-aħjar u dejjem tkellimt internament, anke meta ħaddiehor m’għoġbux dak li għidt.

Ħadt din id-deċizjoni għax mill-bidu għidt li l-affarijiet ma jistgħux jieħdu iżjed fit-tul. L-inċertezza tagħmel aktar ħsara lill-pajjiżna u lill-Partit Laburista. Din in-nitfa ta’ gżira fejn għazilt li nrabbi lill-uliedi ma tiflaħx aktar mibgħeda, ma tiflaħx aktar tribaliżmu u instabilità. Għandna bżonn stabilità biex nimxu ’l quddiem bħala pajjiż.

Għandna bżonn ukoll li l-ġustizzja ssir ma’ kulħadd mingħajr ma tħares lejn wiċċħadd. Il-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher issir, mingħajr ma jkun hemm lok li jintefgħu dubji.

Il-Partit Laburista għandu bżonn jiġġedded u jaħdem ma’ nies li jridu li l-affarijiet jinbidlu ta’ vera. Pajjiżna jrid iqum fuq saqajh u juri lill-kumplament tal-Ewropa li jekk hemm min għamel il-ħsara, irid iħallas tal-ħsara li għamel. Hemm bżonn nuru li bħala pajjiż irridu nimxu ’l quddiem, għall-ġid tat-tfal tagħna, tal-ħaddiema u min jagħmel sagrifiċċju biex jaqla’ l-paga. Dawn huma ċ-ċittadini li jien nirrapreżenta u li se nibqa’ naħdem għalihom b’ħilti kollha.

Il-poter qatt m’għamel bijja. Dħalt fil-politika għax dejjem emmint li l-politika hija għodda għal min irid jagħmel il-ġid. Għal min jixtieq jara lil pajjiżu aħjar. Għal min iridu jgħin lill-vulnerabbli. Dak li dejjem għamilt u ħdimt għalih kull ġurnata, sew fil-Parlament Ewropew u kif ukoll f’Malta.

Ix-xogħol li rridu nagħmlu barra minn xtutna huwa kbir, daqs ix-xogħol li jrid isir Malta. Għalhekk li qed nittama li ngħalqu dan il-kapitlu malajr kemm jista’ jkun u, għal gid ta’ kulhadd, nibdew mexjin ’l quddiem.

Share With: