L-allerġiji … Tista’ ssalva ħajja umana

L-allerġiji f’ġisimna jiżviluppaw meta jkun hemm diversi reazzjonijiet mis-sistema’ immunitarja għall-diversi sustanzi, li normalment ma jkunu jikkagunaw l-ebda dannu lill-ġisem. Dawn l-hekk imsejħin sustanzi, jistgħu jitqiesu bħala ‘allergens’, fejn meta bniedem jiġi espost għalihom diversi drabi, huwa jibda jifforma sensitività speċifika għalihom. Hemm ħafna tipi ta’ allerġiji li wieħed jista’ jsofri minnhom, li jvarjaw minn allerġiji għall-ikel, partiċelli fl-arja jew fin-natura, u kif ukoll għall-ċerti pinnolli bħall-antibijotiċi, jew prodotti oħra farmaċewtiċi. 

F’każ li wieħed jigi espost għall-diversi partiċelli fl-arja li jkun sar allerġiku għalihom, bhad-‘dust mites’, ‘pollen’, jew dħaħen tas-sigaretti, huwa jista’ jaqbdu attakk ta’ l-ażma, fejn wieħed joħroġulu sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs, tisfir fis-sider u sogħla, jew il-‘hayfever’, fejn wieħed ikun qed jesebixxi sintomi inqas serji, bħal għatis, għajnejn ħomor, u kif wkoll infjammazzjoni fil-griżmejn jew fl-imnieħer.

Meta niġu għall-allerġiji relatati mal-ikel, l-iktar komuni insibu l-allerġiji għall-ħalib, lewż, bajd, u kif ukoll għal diversi tipi ta’ frott. Wieħed normalment jinduna li qed ibati minn allerġija ta’ dan it-tip għax jista’ jitlagħlu raxx ta’ natura varja, fuq ġismu meta wieħed jiekol dawn l-affarijiet, u kif ukoll ibati minn żbilanċ fis-sistema gastrointestinali, bħal dijarea. Huwa għalhekk, importanti li malli wieħed jissuspetta li jista’ jkollu allerġija għal xi tip ta’ ikel, jieqaf immedjatament milli jiekol minnu. B’mod partikolari, wieħed għandu wkoll joqogħod attent meta jmur jiekol f’ristoranti, minħabba cross-contamination tal-ikel. Kif ukoll, meta wieħed ikun qed jagħmel ix-xirja tiegħu, u jiġi f’dubju x’tip ta’ ingredjenti fih l-ikel, jfittex li jaqra t-tabelli tal-informazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel.

Allerġiji oħrajn, li huma wkoll komuni, huma dawk li jinvolvu kuntatt dirett mal-ġilda, bħall-ċerti tipi ta’ fwejjaħ, sapun, metalli naturali bħan-‘nickel’, ‘latex’ jew sahanistra, il-pil tal-annimali. Dawn ukoll jistgħu jikkawżaw ħmura, ħakk jew infjammazjoni fil-ġilda. Meta jiġri dan, wieħed jista’ jaħsel il-parti affettwata sew, b’ammonti moderati ta’ ilma, għal madwar kwarta.

Wieħed faċilment jista’ jittratta l-allerġiji li semmejna, billi jevita kuntatt dirett magħhom, jgħix f’ambjent nadif, u jevita li jiġi espost għal trabijiet jew dħaħen. F’każ li wieħed ikun allerġiku għad-‘dust mites’, għandu jara wkoll li jbiddel il-lożor regolarment u jaħsilhom ġol-misħun. Meta wiehed ikun qed ibati minn ‘hayfever’, għandu jara li ma jagħmilx kuntatt dirett ma’ fjuri friski, jew pil ta’ annimali domestiċi. Meta dan ma jkunx biżżejjed, hemm ċerti tipi ta’ mediċini li jissejhu ‘anti-histamines’, li t-tabib jista’ jagħti lill-pazjenti, biex ikomplu jtaffu xi ftit mis-sintomi tal-allerġiji.

Inħoss li huwa importanti wkoll li nsemmi, li meta wieħed ikun qed ibati minn diversi allerġiji, huwa f’riskju li taqbdu reazzjoni allerġika serja ħafna, li tissejjaħ ‘anaphylaxis’. Din il-kundizzjoni hija meqjusa bħala emerġenza, minħabba li f’temp ta’ ftit sekondi, wieħed jieqaf jieħu n-nifs, minħabba li l-pajpijiet tan-nifs inizzjalment jiddejqu, u bil-ħin, jingħalqu, u kif wkoll, jistordi jew jintilef minn sensieh, għax tinżillu il-pressjoni fid-demm, meta jkun espost għall-‘allergen’. F’dawn il-każijiet, huwa vitali li wieħed dejjem iġorr miegħu l-‘Epi-Pen’, li hija tip ta’ pinna medika, li f’każ ta’ emerġenza, wieħed jista’ faċilment jinjetta ġo muskoli kbar, bħal fid-dirgħajn, jew fil-koxxa, biex tingħata doża ta’ adrenalina, sabiex tkun tista’ tittratta immedjatament allerġiji severi ħafna, qabel ma tiġi iktar għajnuna medika avvanzata. Dan il-pass jista’ jwassal biex wieħed isalva ħajja umana.

Share With: