“Bħalissa hu ż-żmien tal-għaqda u mhux il-firda”

Il-Ministru Bonnici jirribatti għall-kumment ta’ Kristina Chetcuti; kburi bl-għalliema li qed jagħtu l-massimu tagħhom

Minn Maria Azzopardi 

F’kumment li tana, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li bħalissa huwa ż-żmien tal-għaqda u mhux il-firda u huwa żmien li nkunu Maltin u Għawdxin u mhux partiġġjani.

Huwa qal dan b’reazzjoni għall-kumment li ċċirkola fuq il-midja soċjali ta’ Kristina Chetcuti, is-sieħha tal-eks-Kap tal-PN Simon Busuttil fejn qalet li t-tfal li jattendu l-iskejjel tal-gvern f’Malta mhux qed jingħataw lezzjonijiet onlajn. Chetcuti sostniet li huma mhux qed iħallsu t-taxxi tagħhom biex it-tfal iqattgħu l-ġranet tagħhom fuq il-Playstation u staqsiet lill-Ministru Bonnici biex jispjega x’qed jiġri eżattament.

Il-Ministru Bonnici qalilna li l-verità hi li l-maġġoranza assoluta tal-għalliena qed jagħtu l-massimu tagħhom favur uliedna u ulied uliedna. Huwa sostna li jinsab kburi b’kull wieħed u waħda minnhom. Huwa qal li mhux talli qed isiru l-lezzjonijiet onlajn fejn l-għalliema qed itellgħu l-materjal biex it-tfal ikunu jistgħu jniżżluhom biex ikomplu jagħmlu l-istudji tagħhom mid-dar, talli hemm il-paġna Education fejn qed itellgħu links u hemm curriculum site ukoll. 

Proprju ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Bonnici qal li f’każ ta’ diffikultà biex wieħed jaċċedi għal dawn ir-riżorsi, kulma jridu jagħmlu huwa li jċemplu fuq in-numru 25981000 fejn se jsibu nies lesti jgħinu biex wieħed jaċċedi għar-riżorsi importanti biex it-tagħlim ikompli miexi ‘l quddiem. Permezz ta’ vidjow li ttella’ fuq il-midja soċjali ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Bonnici kien qal lit-tfal biex jużaw dan il-ħin li għandhom fuq idejhom b’mod siewi u responsabbli filwaqt li ħeġġiġhom biex jaqraw il-kotba bil-Malti u bl-Ingliż, jiktbu, jkunu kreattivi u jagħmlu xi proġett li dejjem xtaqu jagħmlu imma qatt ma kellhom il-ħin biex ikunu jistgħu jagħmluh.

Bil-għan li t-tagħlim ma jieqafx u t-tfal ikomplu jfittxu l-kotba bħala mezz ta’ tagħlim, il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll li bis-saħħa ta’ ftehim li ntlaħaq bejn l-Aġenzija Nazzjonali għal-Litterizmu u l-PBS mil-lum se jibdew ixandru programm ġdid għat-tfal bl-isem ta’ ‘Naqraw Flimkien/Let’s Read Together fejn animaturi tal-Aġenzija se jaqraw b’mod divertenti u sabiħ kotba bil-Malti jew bl-Ingliż. Dan il-programm se jixxandar kuljum fuq TVM b’repetizzjoni fl-4.30p.m.

“Ejja niġbdu ħabel wieħed favur uliedna f’dan il-mument fejn qatt ma rajna bħalu”

Il-Ministru żied jgħidilna li ħadmu mill-ewwel biex iġibu lil kulħadd madwar mejda u hekk se jibqgħu jagħmlu. “Ejja niġbdu ħabel wieħed favur uliedna u ulied uliedna f’dan il-mument fejn qatt ma rajna bħalu f’ġenerazzjonijiet sħaħ. Din l-isfida qed negħlbuha bl-unuri u se nkomplu nuru lil-pajjiżi oħra kemm aħna nafu x’qed nagħmlu u ppreparati, anke fis-settur edukattiv,” qal Bonnici.

Il-Ministru rringrazzja minn qalbu lill-għalliema, edukaturi u staff kollu kemm dak amministrattiv kif ukoll tal-maintenance u tindif tal-iskejjel li qed juru bil-provi kemm għandhom l-edukazzjoni għal qalbhom.

Intant f’kumment fuq il-paġna tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li jgħaddi dan kollu u wieħed iħares lura, m’għandux l-iċken dubju li ġenerazzjonijiet sħaħ se jgħidu li dan iż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa huwa ż-żmien fejn l-edukaturi tagħna urew xi tfisser bil-fatti li tħobb l-istudenti tagħna.

Il-Ministru għat-Turiżmu wkoll tkellmet fuq il-midja soċjali, kemm bħala Ministru iżda wkoll bħala omm,  dwar il-kumment ta’ Chetcuti fejn sostniet li tfal li jmorru skola tal-Gvern pjuttost bil-maqlub ta’ ċerti skejjel privati tant li qegħdin iktar avvanzati u bdew ħafna minnhom klassijiet interattivi.

Għalliema: Jekk int taħseb li l-għalliema qegħdin vaganza sejra żball

Għalliema tal-iskola primarja qalet li lil hinn mill-politika, għax m’hemmx għalfejn “indeffsuha” hawn ukoll, il-kumment ta’ Chetcuti ħassitu bħal stallett f’qalbha. “Jista’ jkun minnu li hemm min mhux isegwi l-istruzzjonijiet, u jekk hemm min mhux qed jagħmel dan qed jonqos minn dmirijietu. Pero ma tistax tiġbor lil kulħadd f’keffa waħda. Nitkellem għalija u għall-kolleti tal-istess year group, aħna qatt ma waqafna.”

L-għalliema żiedet tgħid li kienu għadhom lanqas biss ħabbru li bħala għalliema għandhom jipprovdu taglim b’mod virtwali, għax kienu diġà qed iħejju xi karti tat-taħriġ biex jgħaddu lill-istudenti. “Qattajna ġranet sħaħ fuq skype call nitkellmu bejnietna liema hu l-aħjar mod li bih nikkomunikaw mal-ġenituri u mat-tfal, kif ngħaddu x-xogħol, nikkoreġuh u nċemplu video calls. Ngħid lis-sinjorina Chetcuti li kważi kważi lanqas għad baqgħalna working hours għax din is-sistema ma konnix preparati għaliha u allura kellna nemendaw x’materjal ngħaddu, inqattgħu iżjed ħin nikkoreġu, għax mhux bħal meta jkollok pitazz u pinna f’idejk, filwaqt li tgħallimna nużaw ċertu programmi f’temp ta’ ġurnata biex ngħaddu l-informazzjoni lill-ġenituri,” qalet l-għalliema.

Hija temmet tgħid li tinsab grata li l-ġenituri tat-tfal li tgħallem qed jikooperaw u japprezzaw immens kemm qed jaħdmu u jirsistu għal ġid ta’ wliedhom. “Jekk inti hemm barra taħseb li l-għalliema qegħdin vaganza, sejra żball. Nitlobkom biex ma tkomplux tweġġawna bl-attakki tagħkom għax dan perjodu orribbli għalina wkoll,” temmet tgħid l-għalliema.

Ġenituri jirringrazzjaw lill-għalliema li ta’ kuljum jibagħtu x-xogħol lit-tfal

Bosta ġenituri minn hawnhekk xtaqu jirringrazzjaw lill-għalliema tax-xogħol enormi u siewi li qed jagħmlu f’dawn iż-żminijiet straordinarji biex xorta waħda jibqgħu jipprovdu l-materjal biex it-tfal ikunu jistgħu jkomplu jsegwu l-kurriculum kif kien ippjanat. Omm ikkonfermat ukoll li l-għalliema tat-tfal tagħha kienet saħansitra qiegħda tirrispondi l-mistoqsijiet tal-ġenituri nhar is-Sibt kważi fid-9.00p.m. biex min-nhar it-Tnejn tkompli l-ħidma mingħajr intoppi.

Fil-fatt bosta kienu dawk l-għalliema li kkonfermaw magħna li l-ħidma tagħhom tkompli għaddejja matul il-ġranet tas-Sibt u l-Ħadd ukoll u sostnew li jagħmlu hekk għax jafu li qed japprezzaw il-ġenituri u t-tfal.

“Mur għidilha lil Ms Chetcuti x’dieqa għandna bħalissa li mhux se nerġgħu naraw lill-istudenti tagħna. Ta’ min jgħidilha wkoll li min qed jaħdem ta’ vera, mit-Tnejn filgħodu jkun qisu dieħel l-iskola u x-xogħol tkompla minn l-għada li għalqu l-iskejjel,” qaltilna għalliema minnhom.

Share With: