Fl-Istati Uniti: Tarbija tmut kaġun tal-coronavirus

Żewġt itrabi oħrajn f’Nashville u Florida wkoll irriżultaw pożittivi għall-coronavirus

Fl-ewwel każ tax-xorta tiegħu fl-Istati Uniti li ġie reġistrat mindu bdiet l-pandemija tal-Covid-19, tarbija tat-twelid f’Illinois ilbieraħ mietet kaġun tal-coronavirus.
Il-Gvernatur ta’ Illinois, J.B. Pritzker ikkonferma din l-aħbar, u qal li dan huwa l-ewwel każ magħruf fil-pajjiż fejn tarbija mietet kaġun tal-virus qattiel.
Huwa żied jgħid li l-virus rarement huwa fatali fost it-tfal. Id-Direttur għas-Saħħa Pubblika ta’ Illinois, Ngozi Ezike, ukoll ikkonferma l-aħbar tal-mewt tat-tarbija kaġun tal-Covid-19, u qal li l-awtoritajiet qed jinvestigaw il-każ biex jaċċertaw għal kollox x’wassal għall-mewt.
Tenna li “rridu nagħmlu minn kollox biex nipprevjenu l-imxija tal-virus. Jekk mhux għalina, għal dawk ta’ madwarna.”
Dan mhux l-ewwel każ ta’ mwiet fi tfal u trabi tat-twelid kaġun tal-coronavirus.
Tifel ta’ ftit xhur fiċ-Ċina wkoll kien miet kaġun tal-Covid-19, madankollu kien ibati minn kundizzjoni medika sekondarja.
Intant fl-Istati Uniti tarbija ta’ xahrejn f’Nashiville rriżultat pożittiva għall-coronavirus, filwaqt li fi Florida l-awtoritajiet ikkonfermaw li tarbija ta’ inqas minn sena wkoll kienet ikkonfermata li ġiet infettata bil-virus.

Share With: